LE għall-manipulazzjoni ta’ riżultati sportivi!

Artiklu miktub minn Neil Portelli – Direttur, MEUSAC
Ippubblikat fil-magazin L-Isportiv – 25.01.2020

Ħafna jiftakru l-iskandlu magħruf bħala Calciopoli, li fl-2006 ra lill-Juventus imċaħħda minn żewġ kampjonati tas-Serie A Taljana. Ftit snin wara, fl-2011, il-futbol fl-Italja din id-darba dak ta’ livelli iktar baxxi, reġa’ kien fil-mira ta’ diversi proċeduri legali li ttieħdu kontra numru ta’ individwi, uħud minnhom b’passat fl-ogħla livelli tal-futbol professjonali.

Investigazzjoni tal-logħba mill-kampjonat li qabel kien magħruf bħala Lega Pro (l-aħħar livell professjonali tal-futbol fl-Italja) bejn il-klabbs Unione Sportiva Cremonese u Paganese Calcioli li ntlagħbet fl-2010 wasslet għall-arrest tal-plejer Marco Paoloni. L-investigazzjoni kienet ikkonfermat li qabel din il-logħba, Paoloni kien ħallat sustanza fix-xorb ta’ sħabu f’attentat li jaffettwa r-riżultat finali. Ir-raġuni għalfejn Paoloni pprova jimmanipula din il-logħba kellu x’jaqsam ma’ dejn li kien ikkawżat minn ‘logħob fuq l-idejn’.

Permezz tal-investigazzjonijiet, beda bil-mod il-mod jinkixef ċirku ħafna ikbar ta’ korruzzjoni bl-involviment ta’ diversi personaġġi magħrufa u li wasslu għal diversi arresti bil-għan li jitnaddaf dan l-aġir manipulattiv li laqat il-futbol Taljan għat-tieni darba fi ftit snin.

Minbarra l-fatt li dan l-aġir huwa illegali, iġib miegħu diversi problemi oħra. Jekk wieħed iqis l-iskandlu Calciopoli mill-ewwel jinnota li fost il-klabbs kollha involuti u li għadhom attivi, kienu biss Juventus F.C. li wara perjodu tranżitorju reġgħu bdew jikkompetu għall-unuri. Il-Klabbs l-oħra, fosthom A.C. Milan, SS Lazio u Reggina 1914 sofrew mhux ftit minn dan kollu. Dan anke minħabba l-fatt li l-futbol Taljan tilef mhux ftit mill-kredibbiltà tiegħu u għaldaqstant b’mod ġenerali sabha diffiċli jattira l-investiment neċessarju biex jerġa’ jibda jirkupra. L-investigazzjonijiet u l-arresti tal-2011 komplew iħammġu l-istampa tal-futbol Taljan.

Għalkemm f’dan l-artiklu tkellimt dwar żewġ każijiet partikolari li seħħew fl-Italja, il-korruzzjoni fl-isport mhux limitata b’konfini. Investigazzjonijiet simili li wasslu għall-arrest ta’ diversi individwi fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea seħħew mhux darba matul is-snin, xi drabi anke bl-għajnuna tal-Europol (l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-infurzar tal-liġi).

Skont il-Kummissjoni Ewropea, il-korruzzjoni fl-isport hija theddida għall-integrità ta’ kull avveniment ta’ din in-natura u jtellfu mill-possibiltà li dawn isiru b’mod kemm jista’ jkun ġust.

Fl-2011, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-Suq Intern. Din il-konsultazzjoni wasslet għall-pubblikazzjoni ta’ qafas komprensiv għal-logħob tal-azzard onlajn li fih, il-manipulazzjoni ta’ riżultati sportivi ġiet identifikata bħala waħda mill-prijoritajiet fil-ġlieda kontra l-isfidi li jġib miegħu dan l-aġir. Għaldaqstant il-Kummissjoni Ewropea waqqfet grupp ta’ esperti dwar il-logħob tal-azzard magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, biex jaqsmu esperjenzi u prattiċi tajba u kif ukoll biex jipprovdu pariri u għarfien espert dwar it-tħejjija ta’ inizjattivi tal-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward.

L-Unjoni Ewropea tagħti wkoll kontribut lil dan il-qasam permezz tal-programm ta’ fondi magħruf bħala Erasmus+. Eżempju ċar u reċenti ta’ użu ta’ fondi minn dan il-programm huwa l-proġett IntegriSport. F’dan il-proġett li beda f’Jannar tal-2019 u li ser jagħlaq fl-aħħar ta’ din is-sena, rappreżentanti minn numru mdaqqas ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea  qegħdin u ser ikomplu jiltaqgħu bil-għan li jifhmu aħjar prattiċi illegali fil-qasam tal-manipulazzjoni ta’ riżultati sportivi u kif dawn jistgħu jiġu megħluba.  Dan huwa biss eżempju wieħed ta’ impenn, anke finanzjarju li l-Unjoni Ewropea qed tagħmel f’dan il-qasam.

L-isport huwa ta’ kulħadd u għaldaqstant għandu jitgawda minn kulħadd f’ambjent san u li mhux imtebba’ b’aġir mhux onest. L-Unjoni Ewropea qiegħda tipprovdi assistenza sabiex din il-pjaga tiġi mnaqqsa kemm jista’ jkun.

« Back