L-Ewropa – l-ewwel kontinent bi klima newtrali sal-2050

Artiklu miktub minn Neil Portelli – Direttur, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 27.01.2020

Ilna għal dawn l-aħħar snin nisimgħu bit-tibdil fil-klima u kemm dan jista’ jħalli impatt negattiv mad-dinja kollha. Iżda kemm huwa minnu li t-tibdil fil-klima huwa realtà li qiegħda fil-fatt tħasseb lilna ċ-ċittadini?  Minn stħarriġ reċenti li sar fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea rriżulta li huma aktar minn disgħa minn kull għaxar ċittadini tal-Unjoni Ewropea (92%) li qed iqisu t-tibdil fil-klima bħala problema serja.

Dan it-tħassib hu wkoll frott ta’ żieda fil-frekwenza u l-intensità f’dak li ħafna raw u ħassew b’idejhom f’episodji li għandhom x’jaqsmu mat-tibdil fil-klima. Wieħed diffiċli jinsa l-mewġiet ta’ sħana estrema li ħakmu l-Ewropa fl-aħħar snin u l-għargħar li ħakem b’mod partikolari ċ-Ċentru u l-Lvant tal-kontinent.

Apparti minn hekk, dawn l-episodji ma jġibux magħhom biss problemi naturali. Id-danni ekonomiċi li huma kkważati minn diżastri naturali relatati mat-temp jitilgħu mhux ftit. Globalment, fl-2017 biss, id-dannu kkważat minn dan it-tibdil ammonta għal €283 biljun. Biex wieħed jifhem aħjar din il-figura, biżżejjed insemmu li l-Prodott Domestiku Gross (dak li l-pajjiż jipproduċi f’sena) ta’ Malta fis-sena 2018 kien stmat li jammonta għal ftit iktar minn €12-il biljun, skont estimi indikattivi maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika f’Marzu tal-2019.

Dan kollu jagħti x’jifhem li trid tittieħed azzjoni b’mod immedjat sabiex kemm jista’ jkun nevitaw avvenimenti simili fil-futur anke qarib.

Il-Kummissjoni Ewropea tal-aħħar ħames snin stqarret bosta drabi li bħala Ewropej, huwa importanti li nħallu d-dinja aktar b’saħħitha għall-ġenerazzjonijiet tal-futur. Miguel Arias Cañete, Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija fil-Kummissjoni li għadha kemm spiċċat kien qal, “L-Unjoni Ewropea diġà bdiet l-immodernizzar u t-trasformazzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima.

Iżda issa x’inhuma l-passi li jmiss?

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, Ursula von der Leyen nediet Pjan biex l-Ewropa tkun l-ewwel kontinent li sal-2050 jilħaq l-hekk imsejħa newtralità tal-klima. Dan ifisser li ma jkunx hemm iktar żieda fl-emmissjonijiet bir-rata mgħaġġla tal-lum u li għaldaqstant ma jogħlewx it-temperaturi globali. Din hija waħda mill-akbar sfidi li l-Unjoni Ewropea ser tkun qed tiffaċċja fis-snin li ġejjin. Tant hu hekk li din l-isfida kienet waħda minn sitt sfidi kbar elenkati fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni l-ġdida.

Ir-rieda li jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa ġejja wkoll minn numru ta’  attivisti, fosthom anke miljuni ta’ żgħażagħ, li esprimew tħassib dwar dak li qed jiġri fir-rigward tat-tibdil fil-klima. Fil-fatt, kienet von der Leyen stess li fil-programm tagħha għall-Unjoni Ewropea tal-futur ħadet spunt minn dan il-moviment u semmiet kemm fil-fatt dawn servew ta’ ispirazzjoni fit-tfassil tal-programm tal-Kummissjoni mmexxija minnha.

B’danakollu, waqt li biex jintlaħaq it-tragward tan-newtralità tal-klima jeżistu sfidi mhux żgħar, il-Kummissjoni Ewropea temmen li hemm potenzjal kbir li jista’ jkun iġġenerat minn dan it-tibdil. L-idea hi li l-Pjan tal-Kummissjoni jibda jissarraf f’liġijiet li jattwaw il-miżuri meħtieġa.

Dan huwa biss l-ewwel minn sensiela ta’ passi li l-Kummissjoni biħsiebha tieħu fis-snin li ġejjin sabiex tiżgura li l-pjan tagħha għal Ewropa iżjed newtrali jseħħ. L-idea aħħarija hi li t-tranżizzjoni tkun waħda ġusta u ta’ benefiċċju anke għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant hemm anke pjanijiet ta’ fondi sostanzjali mill-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-snin li ġejjin f’dan ir-rigward.

Il-punt tat-tluq iżda, kien u għadu l-istess. L-azzjoni favur il-klima trid tittieħed b’mod immedjat!

« Back