‘L-Ewropa ta’ għada tiddependi mill-pontijiet li nibnu llum’

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Maniġer, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 16.12.19

Din il-frażi ħarġu biha grupp ta’ 31 studenti u għalliema minn Malta, l-Italja, il-Ġermanja, il-Greċja, ir-Rumanija u t-Turkija, wara nofstanhar ta’ diskussjonijiet bħala parti minn proġett ta’ skambju taż-żgħażagħ. Il-proġett hu finanzjat minn fondi Ewropej u permezz tiegħu iddiskutew il-multikulturaliżmu fis-soċjetà tagħna u madwar l-Ewropa.

Id-diskussjonijiet, li tmexxew mill-MEUSAC, Europe Direct Valletta u l-Aġenzija Ewropea għall-Ażil  (EASO) li tinsab f’Malta, kienu parti mill-attivitajiet ta’ ġimgħa sħiħa li fiha l-istudenti u l-għalliema setgħu jduqu l-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna waqt attivitajiet varji.

Waqt is-sessjoni kienu diskussi diversi aspetti ta’ x’qed isarraf il-multikulturaliżmu f’pajjiżna, b’mod partikulari biż-żieda fil-popolazzjoni fl-aħħar snin minħabba l-immigrazzjoni ta’ persuni kemm mill-Unjoni Ewropea u wkoll minn pajjiżi oħra mil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq.

Il-grupp ta’ studenti u għalliema ngħataw tagħrif fuq il-ħidma tal-MEUSAC u l-EASO, u qasmu esperjenzi ta’ x’tgħallmu miż-żjarat li għamlu fil-pajjiżi involuti fl-iskambju tal-Erasmus+. Fost l-oħrajn qalu li ż-żjarat f’pajjiżi differenti tawhom l-opportunità li jifhmu kif l-Ewropa għenithom jifhmu aħjar kif jitħalltu ma’ persuni ta’ nazzjonalitajiet differenti, jisimgħu u jifhmu opinjonijiet differenti minn tagħhom, jgħixu ma’ persuni oħra li għandhom stili ta’ ħajja differenti u jagħrfu x’inhuma l-problemi li jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Fuq kollox, il-parteċipanti qalu li meta tiltaqa’ ma’ persuni ta’ kulturi differenti minn tiegħek, ma tibqax tibbaża l-opinjoni tiegħek fuq kif trabbejt, jew fuq l-affarijiet kif tkun qrajthom mill-kotba jew l-internet imma tkun tista’ tara b’għajnejk, tmiss b’idejk u tisma’ b’widnejk dawn ir-realtajiet li jgħixu persuni oħra minn pajjiżi oħra. B’hekk titgħallem aktar u tiftaħ l-orizzonti tal-ħajja tiegħek. Minn hemm tasal tifhem li minkejja d-differenzi, aħna lkoll għandna affarijiet komuni li jgħaqqduna.

Barra minn hekk, l-istudenti ddiskutew fi gruppi żgħar realtajiet marbuta mal-multikulturaliżmu u l-integrazzjoni ta’ nies ta’ kulturi differenti f’pajjiżna. Tliet gruppi ddiskutew l-isfidi għall-integrazzjoni f’lokalità bi predominanza ta’ immigranti, l-isfidi li jiffaċċjaw l-għalliema fi skola b’numru kbir ta’ tfal ta’ nazzjonalitajiet differenti u wkoll kif attivitajiet pubbliċi bħal festivals jistgħu jservu ta’ strument ta’ integrazzjoni għaż-żgħażagħ ġejjin minn pajjiżi oħra. Il-parteċipanti ma waqfux fl-isfidi biss, imma flimkien fittxew soluzzjonijiet li jistgħu jitwettqu għal futur aħjar.

Mid-diskussjonijiet ħareġ li d-diffikultajiet ewlenin li joħorġu minn din ir-realtà huma ġejjin mill-fatt li ħafna drabi gruppi ta’ immigranti jinqatgħu għalihom u ċ-ċittadini Maltin joqogħdu lura milli jkellmuhom u jitħalltu magħhom. Issemmew diversi fatturi bħad-differenzi fl-imġiba, il-kultura, ir-reliġjon u l-modi differenti ta’ kif persuni differenti jġibu ruħhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Ħafna drabi, is-soluzzjoni għal dawn il-problemi hi l-komunikazzjoni li twassal biex persuni differenti jifhmu aktar lil xulxin. Dan jista’ jiġi indirizzat billi jsiru kampanji ta’ edukazzjoni u inizjattivi biex persuni differenti, waqt li jżommu l-istil tal-ħajja tagħhom, jagħrfu jgħixu flimkien.

Ħareġ ukoll li hu importanti li kull min jgħix f’pajjiżna, irrispettivament min-nazzjonalità tiegħu jew tagħha, bħalma għandu jiġri f’kull pajjiż, kulħadd għandu josserva l-liġijiet bl-istess mod għax dawn jgħoddu għal kulħadd.

Punt ieħor li ħareġ mid-diskussjonijiet kien li f’pajjiżna hemm bżonn ta’ aktar għarfien ta’ x’inhuma l-fatturi li jgħaqqdu lil nies li ġejjin minn pajjiżi u kulturi differenti, li ma nibżgħux minn xulxin u nibnu fuq dak li jgħaqqadna.

Id-diskussjonijiet wasslu biex fl-aħħar il-parteċipanti ftiehmu dwar frażi li tiġbor dak kollu li ddiskutew: “Tista’ tibni pont illum biex għada jkun aħjar?”

Dan il-messaġġ ittella’ fuq il-midja soċjali tal-MEUSAC u tal-EASO biż-żewġ entitajiet jużaw l-istess messaġġ. Kien eżerċizzju interessanti ta’ kif kull persuna fil-grupp iddeċidiet li timpenja ruħha biex tagħmel xi ħaġa. B’hekk kull wieħed u waħda mill-parteċipanti ħareġ bil-frażi komuni li se jippruvaw jgħixu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum fil-pajjiżi differenti li ġejjin minnhom u jaqsmuha fil-midja soċjali u fil-gruppi li jiltaqgħu.

« Back