Klabb tal-futbol juża fondi Ewropej biex tiżdied l-ugwaljanza bejn is-sessi

Artiklu miktub minn Kurt Cortis – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-magazin L-Isportiv – 28.12.19

Is-sena 2019 kienet waħda impenjattiva għal ‘Mġarr Youth Nursery’ għaliex matulha implimentaw b’suċċess proġett transnazzjonali u finanzjat mill-Ewropa, taħt il-programm Erasmus+. Il-klabb kiseb il-finanzjament għal dan il-proġett bl-għajnuna tal-MEUSAC.

B’kollaborazzjoni ma’ żewġ għaqdiet tal-futbol, waħda mill-Polonja u l-oħra mis-Slovenja, l-Mġarr Youth Nursery xtaqu jwettqu proġett imsejjaħ ‘Team Up For Sports – TU4S’. Permezz ta’ dan il-proġett riedu jindirizzaw problema li sfortunatament hija komuni fit-tliet pajjiżi parteċipi u kif ukoll madwar l-Ewropa: l-inugwaljanza tan-nisa fil-futbol.

L-għaqda tal-futbol tal-Imġarr hija sfortunatament waħda mill-ftit klabbs f’Malta li għandha tim tal-futbol tan-nisa. Minkejja dan, xorta jesperjenzaw diversi diffikultajiet biex iħeġġu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-futbol, kemm bħala atleti u kif ukoll bħala voluntiera.

Fil-verità, l-inugwaljanza tan-nisa fix-xena tal-futbol hija wiesa aktar minn hekk. Rapport maħruġ mill-Parlament Ewropew f’Marzu tal-2019 juri li hemm nuqqas sostanzjali ta’ nisa f’pożizzjonijiet ta’ kowċis u ta’ tmexxija sportiva, kemm fil-klabbs u kif ukoll fl-istituzzjonijiet sportivi. Ir-rapport jagħmel enfasi fuq l-inugwaljanza tal-pagi bejn is-sessi, filwaqt li juri li minkejja l-progress, atleti nisa għadhom jiġu rappreżentati fil-midja iktar bħala attrazzjoni sesswali milli għall-kwalitajiet sportivi tagħhom.

Dan ir-rapport juri b’mod ċar li l-inugwaljanza bejn is-sessi għadha preżenti fl-isport, iktar u iktar meta tikkonċerna sport li huwa ddominat mill-irġiel, bħall-futbol. F’dan ir-rigward, dan il-proġett fittex li jindirizza, bi proġett transnazzjonali, kwistjoni li fiha nfisha testendi lil hinn mill-fruntieri Maltin, bil-għan li jikkontribwixxu għaż-żieda tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-futbol.

F’dan ir-rigward, il-proġett involva primarjament kampanja ta’ informazzjoni li tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-futbol, billi ngħatat informazzjoni fuq il-kisbiet tan-nisa fix-xena tal-futbol u fuq opportunitajiet ta’ karrieri fil-futbol.

Apparti minn hekk, il-proġett wassal ukoll biex ġew organizzati tliet attivitajiet imsejħa ‘kollaborazzjoni transnazzjonali’, fit-tliet pajjiżi parteċipi, fejn taw l-opportunità lil atleti u voluntiera oħra fil-klabb biex isiefru, jikkollaboraw u jaħdmu flimkien biex iwettqu l-għanjiet tal-proġett.

Kull kollaborazzjoni transnazzjonali kellha tema partikulariu kollha seħħew fuq medda ta’ tlett ijiem. Fl-ewwel ġurnata ta’ kull kollaborazzjoni transnazzjonali ġie organizzat seminar li matulu numru ta’ professjonisti tkellmu fuq it-temipartikulari li kienu qegħdin jiġu diskussi. It-tieni ġurnata involviet sensiela ta’ diskussjonijiet bejn il-parteċipanti biex jiġu determinati l-bżonnijiet tan-nisa, l-ostakli li jiffaċċjaw, u l-mezzi ta’ kif nistgħu nikkumbattu d-diskriminazzjoni, is-sessiżmu u l-isterjotipi negattivi fil-futbol. Fl-aħħar ġurnata ġiet organizzata Sports Day  li fiha ħadu sehem kemm atleti nisa u kif ukoll irġiel, bil-għan li jippromovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-futbol u kif ukoll inġenerali.

Fuq kollox, ġew żviluppati linji gwida, ibbażati fuq informazzjoni miġbura mill-attivitajiet preċedenti, ta’ kif klabb għandu japplika l-ugwaljanza fit-tmexxija tiegħu, bil-għan li jinħolqu aktar timijiet tal-futbol tan-nisa, jiġbdu aktar nisa lejn il-futbol u titnaqqas id-diskriminazzjoni, is-sessiżmu u l-isterjotipi negattivi fil-klabbs.

Dan is-suċċess għandu jkun ta’ ispirazzjoni għal għaqdiet oħra, biex huma wkoll jimplimentaw proġetti simili u japplikaw għal dawn it-tip ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea. Il-MEUSAC tista’ tgħin fit-tfassil tal-proġġetti u fil-mili tal-applikazzjonijiet għal dawn il-fondi.

Għal aktar informazzjoni dwar fondi Ewropej, tista’ tikkuntattja lill-MEUSAC fuq funding.meusac@gov.mt jew 2200 3300.

« Back