Il-Milied it-Tajjeb – b’inqas plastik

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 25.12.19

Bejn ilbieraħ u llum min jaf kemm infetħu rigali! U min jaf kemm tgeżwir ta’ karti u plastik jinsab lest għar-rimi!

Fir-Renju Unit biss, jiġu mormija daqs 108 miljun romblu ta’ karta tat-tgeżwir waqt iż-żmien tal-Milied. Din ħafna drabi ma tistax tiġi riċiklata għaliex ma tkunx magħmula mill-karta, imma minn tip ta’ plastik li diffiċli jiġi riċiklat. Apparti l-karta tat-tgeżwir, jintrema wkoll ammont kbir ta’ plastik li jagħmel parti mill-ippakkjar ta’ diversi oġġetti li jinxtraw għall-Milied, bħal ġugarelli.

Madwar l-Unjoni Ewropea, il-kuxjenza għal aktar kunsiderazzjoni fejn jidħlu r-rigali u l-ammont ta’ skart li dan qiegħed iħalli warajh qiegħda tikber. Fil-fatt matul din l-aħħar sena, l-Unjoni Ewropea bdiet kampanja sabiex tipprovdi iktar informazzjoni fuq it-tip ta’ problemi li qiegħed iħalli l-iskart, speċjalment dak tal-plastik, fuq l-ekosistema tagħna. Il-kampanja hi maħsuba wkoll biex toħloq għarfien dwar kif ċertu tip ta’ plastik jista’ jiġi evitat faċilment jew mibdul għal materjali oħra li ma jintużawx darba biss.

Dan għaliex l-Unjoni Ewropea qed tagħmel sforz sabiex tersaq lejn ekonomija ċirkulari fejn il-materjali li jintużaw sabiex jinħoloq oġġett jew prodott ma jinħlewx, ladarba dak l-istess prodott jew oġett jintrema. L-ekonomija ċirkulari tħeġġeġ l-użu mill-ġdid ta’ oġġetti qodma, it-tiswija ta’ materjal imkisser qabel jintrema, kif ukoll ir-riċiklaġġ adekwat sabiex riżorsi li għadhom tajbin u ta’ użu jkunu jistgħu jerġgħu jintużaw f’oġġett jew prodott ġdid. L-għan ta’ din it-tip ta’ ekonomija huwa li jitnaqqas l-ammont ta’ skart iġġenerat sabiex jitnaqqas ukoll l-impatt kbir ambjentali li l-konsum żejjed qiegħed iħalli warajh.

Fuq livell individwali, bħala konsumaturi tajjeb li kemm jista’ jkun nagħżlu rigali b’inqas ippakkjar speċjalment dak magħmul mill-plastik. Fejn nistgħu għandna nnaqqsu t-tgeżwir ta’ rigali li mhux magħmulin mill-karta jew jingħataw f’basket li jista’ jerġa’ jintuża. Ħafna nies qegħdin jagħżlu wkoll li jagħtu lill-għeżiez tagħhom rigali differenti minn oġġetti li hemm ċans li ma jintużawx u li eventwalment jispiċċaw jintremew. Bosta familji, pereżempju qed jagħżlu li l-flus li normalment jonfqu f’rigali materjali jingħataw lil organizzazzjonijiet li jgħinu nies fil-bżonn jew għal xi għan siewi għas-soċjetà. B’hekk kollha kemm aħna nistgħu nagħmlu l-parti tagħna dal-Milied sabiex innaqqsu l-konsum eċċessiv u nagħmlu għażliet iktar sostenibbli.

Għal aktar informazzjoni żuru s-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea fuq is-suġġett.

« Back