Il-marka ‘CE’ għal prodotti siguri fl-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 11.12.19.

Iż-żmien tal-Milied huwa sinonimu max-xiri tar-rigali li nixtru għal ħbiebna, maħbubin u familjari. Probabbilment ftit huma dawk li jinnutaw li bosta mill-prodotti li nixtru, kemm f’Malta kif ukoll fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jkollhom marka bl-ittri ‘CE’ fuqhom. Anke jekk rajna din il-marka diversi drabi, forsi ftit nifhmu dik il-marka x’tirrappreżenta.

Il-marka ‘CE’ ilha tintuża fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u ż-Żona Ekonomika Ewropea, ċioè l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein sa mill-1985 u hija taqsira għall-kelmiet bil-Franċiż ‘Conformité Européenne’.

Huma ħafna l-prodotti li jinbiegħu fl-Unjoni Ewropea li jeħtieġu din il-marka sabiex dawn jiġu kummerċjalizzati. Din il-marka fil-fatt tindika li l-prodott li jkun għall-bejgħ ġie vvalutat mill-manifattur u li hu meqjus bħala prodott li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ sigurtà, saħħa u protezzjoni ambjentali kollha neċessarji sabiex dan il-prodott ikun jista’ jinbiegħ. Madankollu huwa importanti li wieħed jifhem li għalkemm prodott ikollu l-marka ‘CE’, ma jfissirx li huwa approvat bħala sigur mill-Unjoni Ewropea.

Ta’ min wieħed jinnota li l-marka ‘CE’ mhijiex obbligatorja għall-prodotti kollha li hawn fis-suq tal-Unjoni Ewropea. Tant hu hekk li manifattur, filwaqt li jrid jiżgura li l-prodott tiegħu huwa konformi mar-rekwiżiti stabbiliti kollha, huwa projbit milli jwaħħal il-marka ‘CE’ fuq prodotti li mhumiex  speċifikati fid-direttivi tal-Unjoni Ewropea. Xi eżempji ta’ prodotti li m’hemmx bżonn li manifattur iwaħħal din il-marka fuqhom huma prodotti kimiċi, farmaċewtiċi u kożmetiċi.

Ir-responsabbiltà li wieħed jiddikjara l-prodott bħala konformi mar-rekwiżiti stabbiliti għall-marka ‘CE’ taqa’ kollha fuq il-manifattur u filwaqt li dan m’għandu bżonn l-ebda liċenzja sabiex iwaħħal il-marka, l-ewwel pass li jrid jittieħed huwa li jiddetermina jekk jistax jevalwa l-prodott tiegħu huwa stess jew jekk hemmx bżonn li tiġi involuta xi awtorità partikolari.

X’tista’ tagħmel biex ittejjeb is-sikurezza tal-prodotti fis-suq?
Dawn it-tliet punti li ġejjin jgħinuk tassigura s-sikurezza tal-prodotti li tixtri għalik u għal oħrajn:

  • Ixtri prodotti minn ħwienet jew siti elettroniċi li tista’ toqgħod fuqhom ħalli tevita li tixtri prodotti li ma jkunux awtentiċi.
  • Aqra l-istruzzjonijiet u/jew twissijiet fuq il-prodott, pereżempju l-età u kif għandu jintuża, b’mod speċjali mit-tfal.
  • Irrapporta prodotti li mhumiex sikuri lill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) biex tittieħed azzjoni jekk ikun il-każ. Tista’ tikkuntattja lill-MCCAA  fuq info@mccaa.org.mt jew fuq 2395 2000.

Sabiex tassigura li ma jkunx hemm prodotti perikolużi fis-suq, il-Kummissjoni Ewropea għandha sistema msejħa Safety Gate (Rapid Alert System for Non-Food Consumer Products), li biha l-Istati Membri jaqsmu bejniethom informazzjoni dwar prodotti li jistgħu jkunu ta’ periklu għall-konsumaturi Ewropej u b’hekk tittieħed azzjoni, bħal meta jiġu revokati prodotti mis-suq.

Għal iktar informazzjoni dwar il-marka ‘CE’ tista’ tikkuntattja lill-MEUSAC fuq info.meusac@gov.mt jew permezz tat-telefon fuq 2200 3300.

« Back