Żgħażagħ f’solidarjetà b’fondi tal-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 27.11.19

F’pajjiżna u madwar l-Ewropa hawn eluf ta’ żgħażagħ li lesti jiddedikaw mill-ħin tagħhom għall-volontarjat. L-Unjoni Ewropea għarfet tappoġġja dawn l-inizjattivi billi f’Diċembru 2016 waqqfet programm ta’ fondi apposta msejjaħ Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (KETS).

Dawn il-fondi joffru liż-żgħażagħ l-opportunità li jieħdu sehem f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ solidarjetà fl-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ proġetti ffinanzjati minn dan il-programm, żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena jistgħu jagħmlu esperjenzi ta’ volontarjat bħala individwi jew bħala grupp, jieħdu sehem f’apprendistati jew esperjenzi ta’ xogħol u jistgħu wkoll jinvolvu ruħhom fi proġetti ta’ solidarjetà b’risq il-komunità.

Permezz ta’ dawn il-fondi, il-Malta Cadets wettqu b’suċċess proġett bl-isem ‘Protecting our Future!’ F’dan il-proġett ta’ solidarjetà, ħames żgħażagħ membri tal-Malta Cadets ħadu sehem f’numru ta’ sessjonijiet ta’ tindif ta’ skart f’Wied il-Lunzjata, f’Kerċem, Għawdex.

Apparti t-tindif, il-parteċipanti involuti f’dan il-proġett implimentaw kampanja sabiex iqajmu kuxjenza favur l-ambjent. L-attivitajiet ta’ din il-kampanja kienu jinkludu żjarat fi tmintax-il skola primarja f’ Għawdex, tagħlim fuq l-ambjent għall-istudenti u l-għalliema f’dawn l-iskejjel, u logħob għat-tfal fuq l-ambjent. Apparti mit-tagħlim fuq l-ambjent u l-importanza li dan jiġi protett, it-tfal u l-għalliema ngħataw informazzjoni dwar l-importanza tat-tnaqqis tal-iskart u l-konservazzjoni u l-protezzjoni ta’ abitat lokali.

Dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu esperjenzi bħal dawn ikunu jridu jagħmlu proċess sempliċi ta’ reġistrazzjoni ħalli mbagħad ikunu jistgħu jiġu magħżula biex jingħaqdu f’firxa wiesgħa ta’ proġetti. Dawn il-proġetti jiġu implimentati minn organizzazzjonijiet li jkunu awtorizzati jimplimentaw proġetti taħt dan il-programm ta’ fondi.

Għal aktar informazzjoni dwar Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u fondi oħra tal-Unjoni Ewropea, tista’ tikkuntattja lill-MEUSAC fuq funding.meusac@gov.mt jew 2200 3300.

« Back