Żewġ għalliema, l-Erasmus+ u l-MEUSAC

Artiklu miktub minn Kurt Cortis – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 25.11.19

Inizjattiva ta’ żewġ għalliema wasslet sabiex il-kulleġġ San Benedittu ta’ Ħal Kirkop jibbenefika minn żewġ proġetti edukattivi bejn diversi pajjiżi Ewropej, finanzjati mill-programm Erasmus+. L-għalliema Andrè Paul Huber u Josephine Ann Mary Camilleri setgħu jwettqu l-idea tal-proġett tagħhom bl-għajnuna tal-MEUSAC.

Il-programm tal-Erasmus+ jiffinanzja proġetti għall-iskejjel biex jintbagħtu għalliema u persuni oħra fl-edukazzjoni barra minn Malta u jattendu korsijiet jew jgħallmu fi skejjel oħra għal perjodu ta’ żmien, sabiex isaħħu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom.

Jeżistu diversi fondi Ewropej li jsostnu diversi proġetti fuq temi soċjali minn għaqdiet differenti, bħal kunsilli lokali, entitajiet oħra tal-gvern, għaqdiet mhux governattivi u kif ukoll skejjel. Iżda, problema komuni li jiffaċċjaw dawn l-għaqdiet tikkonċerna l-ħila tal-organizzazzjonijiet biex jaslu japplikaw għal proġetti finanzjati parzjalment minn fondi Ewropej.

Għaldaqstant il-MEUSAC toffri servizz bla ħlas lil dawn l-għaqdiet sabiex tgħinhom jiżviluppaw l-idea tal-proġett li jkollhom f’moħħhom u li jkunu jixtiequ jwettqu billi tingħatalhom assistenza personalizzata sakemm jaslu biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom fil-ħin.

Matul is-sena, il-MEUSAC torganizza diversi attivitajiet ta’ informazzjoni u taħriġ biex tkabbar il-ħila ta’ entitajiet dwar fondi partikulari Ewropej. Madankollu, xorta trid tkun l-inizjattiva ta’ individwu jew tnejn biex jagħmlu l-ewwel pass u jfittxu l-għajnuna fuq l-opportunitajiet applikabbli għal-entitajiet tagħhom.

Fil-fatt, l-għalliema Joyce u Andrè avviċinaw il-MEUSAC b’dan it-tir f’moħħhom, b’tali mod li kienu diġà identifikaw skola oħra minn barra minn Malta li xtaqu jikkollaboraw magħha u kienu qegħdin ifittxu għajnuna finanzjarja għaliha. F’dan ir-rigward il-MEUSAC għenithom biex jifhmu sew x’kellhom jagħmlu sabiex l-idea tal-għalliema tissodisfa r-rekwiżiti biex jingħataw il-fondi skont il-prijoritajiet tal-programm Erasmus+. Barra minn hekk, l-uffiċjali tal-MEUSAC għenuhom fil-mili ta’ applikazzjoni ta’ proġett li wassal sabiex żewġ għalliema siefru fi skola oħra ġewwa Spanja għal ħmistax-il ġurnata. Hemmhekk huma għallmu f’ambjent ta’ edukazzjoni differenti minn tagħhom. Meta ġew lura, iż-żewġ għalliema fasslu numru ta’ attivitajiet oħra fejn komplew jgħaddu lill-għalliema sħabhom it-tagħlim li ġabru. Fl-aħħar mill-aħħar, permezz ta’ dan il-proġett li sewa aktar minn €5,000, l-għalliema tal-Kulleġġ San Benedittu bbenefikaw billi żviluppaw aħjar l-għarfien tagħhom fuq it-tagħlim interdixxiplinarju u pedagoġiċi differenti.

Mis-suċċess tal-ewwel proġett, Joyce u Andrè rrealizzaw il-potenzjal uniku li joħroġ minn proġetti Ewropej u għaldaqstant xtaqu japplikaw għal proġetti akbar. Għal darb’oħra, bl-għajnuna tal-MEUSAC, il-kulleġġ San Benedittu applika għal proġett ieħor, din id-darba proġett ta’ kollaborazzjoni ma’ erba’ entitajiet oħra minn madwar l-Ewropa, biex jindirizzaw aħjar l-integrazzjoni ta’ studenti barranin li jsibuha diffiċli biex jintegraw fil-klassi tal-iskola. Dan il-proġett imsejjaħ ‘STRIVE’ qiegħed jiġi implimentat bħalissa u se jiswa iktar minn €37,000.

Permezz ta’ dan il-proġett, numru ta’ għalliema minn ħames pajjiżi differenti se jattendu diversi korsijiet ta’ taħriġ fuq is-suġġett, jesperjenzaw direttament metodi ġodda ta’ kif l-integrazzjoni qiegħda tiġi implimentata fi skejjel oħra barra minn Malta u jikkollaboraw flimkien biex tinħoloq struttura u sistema ta’ integrazzjoni f’San Benedittu u kif ukoll fl-iskejjel l-oħra li qed jieħdu sehem. Fl-istess ħin il-proġett jinvolvi wkoll lill-istudenti billi jiġu organizzati numru ta’ sessjonijiet virtwali matul il-proġett. L-istudenti Maltin għandhom l-opportunità li jikkomunikaw u jaħdmu virtwalment ma’ studenti oħra, li l-iskejjel tagħhom qegħdin jipparteċipaw fil-proġett.

Is-suċċess ta’ Joyce u Andrè huwa ta’ sodisfazzjon kemm għall-MEUSAC, li l-għan tagħha hu li ssaħħaħ il-ħila u l-kapaċita tal-organizzazzjonijiet biex japplikaw għal fondi Ewropej, kif ukoll għall-kulleġġ ta’ San Benedittu, li bl-inizjattiva ta’ żewġ għalliema bbenefikaw numru ta’ għalliema u studenti, mhux biss Maltin imma wkoll minn madwar l-Ewropa.

Dawk li huma interessati jiksbu aktar informazzjoni fuq fondi Ewropej jistgħu jikkuntattjaw lill-MEUSAC fuq 2200 3300 jew jibagħtu email fuq funding.meusac@gov.mt.

« Back