Il-fondi tal-Unjoni Ewropea – Kif jaħdmu?

Artiklu miktub minn Lynn Spiteri – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 11.11.19

Jekk nagħtu ħarsa madwarna, ma jkunx diffiċli nindunaw li l-fondi tal-Unjoni Ewropea taw spinta ’l quddiem lil pajjiżna f’ħafna setturi differenti. Uħud jidhru u jinħassu u oħrajn inqas. Minn proġetti kbar tat-toroq bħal Triq il-Kosta, il-Kappara u l-Marsa, għal investimenti fis-saħħa bħall-isptar tal-onkoloġija, fil-kultura bħal fil-każ tal-MUŻA, fil-kwalità tal-prodotti li nikkunsmaw, fit-taħriġ tal-ħaddiema u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ.

Ħafna jaħsbu li l-fondi tal-Unjoni Ewropea huma bir bla qiegħ, jew li l-pajjiż jista’ jonfoqhom kif irid u għal xiex irid. Dan mhux minnu, għaliex l-ewwel nett il-fondi Ewropej jiġu fost l-oħrajn  mit-taxxi taċ-ċittadini Ewropej u minn ġbir ta’ taxxa ta’ prodotti deħlin minn pajjiżi terzi. Dawn jintużaw skont prijoritajiet speċifiċi li jistabbilixxu u jaqblu fuqhom l-Istati Membri u li fihom l-Unjoni Ewropea tista’ tonfoq il-flus. Kull qasam li fih jiġu investiti l-fondi jkollu baġit abbinat miegħu kif ukoll numru ta’ kriterji li jridu jiġu sodisfatti sabiex entità tkun eliġibbli għall-fondi. L-iskop aħħari? Biex iċ-ċittadini fl-Istati Membri jkunu kemm jista’ jkun fl-istess livell f’dik li hi kwalità ta’ ħajja u f’dak li hu żvilupp.

Għaldaqstant, meta ngħidu fondi tal-Unjoni Ewropea nkunu qed nirreferu għal numru ta’ programmi differenti ta’ fondi li jiġu mfassla għal perjodu ta’ seba’ snin. Bħalissa ninsabu fil-perjodu li beda f’Jannar tal-2014 u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Għall-perjodu li jmiss, xi wħud mill-proġrammi ta’ fondi li nsibu bħalissa jistgħu jibqgħu l-istess, filwaqt li jista’ jkun hemm oħrajn ġodda.

Il-programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea jinqasmu f’dawk ċentralizzati (amministrati direttament mill-Kummisjoni Ewropea), dawk deċentralizzati (amministrati minn entitajiet ibbażati f’kull Stat Membru) u dawk amministrati b’mod konġunt bejn il-Kummissjoni Ewropea u awtoritajiet nazzjonali. Pereżempju, il-programm tal-Erasmus+ jinkludi sejħiet ta’ fondi li huma deċentralizzati u allura jaqgħu taħt l-awtorità tal-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea, li hija entità tal-gvern Malti, u kif ukoll sejħiet oħra li huma ċentralizzati u li jaqgħu taħt l-awtorità tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, li hija aġenzija tal-Kummissjoni Ewropea.

Biex jinkisbu fondi għall-proġetti trid issir applikazzjoni dettaljata, wara li toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet. Jekk ikun programm ċentralizzat, il-proġetti jkunu qegħdin jikkompetu ma’ proġetti sottomessi minn madwar l-Ewropa, mentri meta tiġi sottomessa applikazzjoni taħt programm deċentralizzat tkun qiegħda tikkompeti ma’ proġetti lokali biss.

Għall-fini ta’ trasparenza u awditjar ta’ kif qegħdin jintefqu l-fondi, illi kif għidna huma fondi pubbliċi, f’ħafna mid-drabi jistgħu japplikaw biss entitajiet legali formalment reġistrati, bħal għaqdiet mhux governattivi, entitajiet tal-gvern, kunsilli lokali u intrapriżi, skont in-natura tas-sejħa għall-applikazzjonijiet li toħroġ minn żmien għal żmien.

Jekk dan kollu jidher kumplikat, f’pajjiżna għandna l-MEUSAC li tista’ tagħmilha aktar faċli biex entitajiet lokali jibbenefikaw minn fondi Ewropej għax noffru servizz personalizzat dwar x’opportunitajiet huma l-aktar relevanti għall-proġetti ta’ organizzazzjonijiet li jkunu jridu japplikaw.

Il-MEUSAC tgħin ukoll entitajiet lokali fit-tfassil ta’ proġetti kompetittivi taħt is-sejħa partikolari. Nistgħu wkoll nassistu entitajiet sabiex isibu u jimlew id-dokumenti kollha tas-sejħa għal proposti li jixtiequ japplikaw taħthom.

L-applikazzjoni tkun tinkludi diversi mistoqsijiet sabiex l-applikanti jkunu jistgħu jiddeskrivu l-proġett tagħhom u kemm qegħdin jitolbu flus għalih. Ġeneralment il-programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea jkopru perċentwal tal-ispejjeż totali tal-proġett u l-applikant ikopri l-bqija tal-ammont. Ir-rata ta’ perċentwal tkun ġeneralment 80% kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea u 20% koperti mill-applikant(i) iżda dan jista’ jvarja minn sejħa għall-oħra. L-applikanti jistgħu jiġu mitluba wkoll jissottomettu dokumenti mal-applikazzjoni bħal pereżempju dikjarazzjonijiet awditjati li juru li għandhom biżżejed kapital biex ikopru l-porzjon ta’ kofinanzjament tagħhom.

Il-proċess ta’ applikazzjoni għall-fondi huwa dejjem proċess kompetittiv, għaliex mhux għal kull applikazzjoni li tiġi sottomessa awtomatikament jingħataw il-flus għal dak il-proġett.

Sabiex l-applikazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu aġġudikati b’mod trasparenti, kull sejħa tinkludi fiha deskrizzjoni tal-kriterji li fuqhom ser jiġu evalwati l-applikazzjonijiet taħt dik is-sejħa. Xi eżempji ta’ dawn il-kriterji jistgħu jkunu: (i) il-konsistenza mal-oġġettivi tal-Programm partikolari u, (ii) il-kwalità tal-pjan ta’ attività tal-proġett.

Waqt il-proċess tal-għażla, il-proġetti jingħataw marka u iktar ma jġibu marka tajba iktar ikun hemm ċans li jiġu magħżula għall-fondi.

Proġetti li jkunu ġabu l-ammont minimu ta’ marki meħtieġa biex jgħaddu mill-proċess tal-għażla, iżda li ma jifdalx fondi għalihom taħt is-sejħa, jiġu mniżżla fuq lista ta’ riżerva sabiex jingħataw il-flus jekk isiru disponibbli, pereżempju jekk wieħed mill-applikanti ta’ proġett li jkun ikklassifika fuq quddiem nett tal-lista u allura jkun sa jingħata l-fondi, jirtira l-proposta.

Jekk għandek xi mistoqsijiet fuq il-fondi tal-Unjoni Ewropea, jew tixtieq aktar informazzjoni dwar pereżempju jekk tistax tapplika għal xi proġett minn fondi tal-Unjoni Ewropea, il-MEUSAC hi biss telefonata jew email ’il bogħod. Aħna nkunu lesti wkoll niltaqgħu miegħek. In-numru tat-telefown tal-MEUSAC hu 2200 3300 u l-email funding.meusac@gov.mt.

« Back