Fondi Ewropej għall-Ġlieda kontra l-Vjolenza Domestika

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 13.11.19

Bejn l-2010 u l-2018 f’Malta ġew rappurtati 9,682 każ ta’ vjolenza domestika – medja ta’ 3 każijiet kuljum. Dawn il-figuri huma inkwetanti, iktar u iktar meta wieħed iqis li mill-2010, il-każijiet żdiedu u mhux naqsu.

Aktar minn hekk, 8,160 mill-każi kienu każijiet ta’ vjolenza fejn il-vittma kienet mara. Din is-sitwazzjoni inkwetanti qiegħda tiġi indirizzata fost l-oħrajn bi proġetti b’fondi Ewropej li jqajmu għarfien u li jedukaw.

Permezz tal-assistenza tal-MEUSAC, sar il-proċess ta’ applikazzjoni b’suċċess għal żewġ proġetti separati fis-settur tal-vjolenza domestika: Full Cooperation: Zero Violence u Breaking the Cycle of Violence. Il-Proġett Full Cooperation: Zero Violence ġie implimentat bejn Jannar tal-2017 u Diċembru tal-2018, waqt li Breaking the Cycle of Violence beda jiġi implimentat f’Jannar tas-sena l-oħra u għandu jintemm f’Diċembru 2020. Iż-żewġ proġetti ġew sottomessi biex jirċievu l-fondi mill-Programm tad-Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza li huwa programm ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea.

Full Cooperation: Zero Violence involva koperazzjoni bejn il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, il-Ministeru għas-Saħħa, il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Kultura, il-Fundazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u l-Korp tal-Pulizija. L-għan ta’ dan il-proġett kien li jsaħħaħ il-koperazzjoni bejn dawn l-entitajiet u li jingħata taħriġ lil professjonisti li jagħtu servizzi lil vittmi ta’ vjolenza domestika.

Il-proġett Breaking the Cycle of Violence mill-banda l-oħra jkompli fuq il-kisbiet tal-proġett l-ieħor billi jiffoka fuq il-bżonnijiet tal-vittmi. Għaldaqstant il-proġett jinkludi l-għoti ta’ informazzjoni lil vittmi fuq id-drittijiet tagħhom, l-inkuraġġiment lill-vittmi biex ifittxu l-għajnuna u jirrappurtaw każijiet ta’ vjolenza li saru kontriehom u li titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku li l-vjolenza domestika qatt m’għandha tiġi tollerata.

Għal aktar informazzjoni dwar programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, tista’ tikkuntattjana fuq funding.meusac@gov.mt jew 2200 3300.

« Back