Fondi Ewropej għall-ġemellaġġi bejn bliet u rħula

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 20.11.19

Aktar kmieni din is-sena, il-kunsill lokali ta’ Ħad-Dingli implimenta proġett ta’ ġemellaġġ mal-Comune di Monte Isola fil-Provinċja ta’ Brescia fl-Italja. Il-MEUSAC kien assista lil dan il-kunsill lokali biex jinkisbu fondi Ewropej għal dan il-proġett ta’ ġemellaġġ fl-2018.

Permezz ta’ dan il-ġemellaġġ, il-parteċipanti miż-żewġ pajjiżi kienu involuti f’numru ta’ diskussjonijiet, preżentazzjonijiet u dibattiti ffukati fuq it-tema tat-turiżmu sostenibbli, il-futur tal-Ewropa u l-isfida tal-Ewroxettiċiżmu. Dawn it-temi ġew żviluppati permezz ta’ tliet suġġetti prinċipali: (i) is-solidarjetà fost iċ-ċittadini Ewropej; (ii) l-effetti tat-turiżmu fuq il-kultura u l-ambjent lokali; u (iii) in-negozji lokali u kif dawn jiġu milquta mit-turiżmu.

Matul iż-żmien, kemm Ħad-Dingli u kif ukoll Monte Isola ġew affettwati ħafna mill-industrija tat-turiżmu. It-tnejn gawdew mill-benefiċċji ekonomiċi ta’ din l-industrija, però kellhom ukoll iħabbtu wiċċhom mal-impatt neġattiv tat-turiżmu, fosthom l-impatt fuq l-ambjent. Għaldaqstant inħass il-bżonn li ċittadini miż-żewġ lokalitajiet jiltaqgħu flimkien biex jiddiskutu din ir-realtà, x’soluzzjonijiet jistgħu jiġu adottati u xi rwol jista’ jkollha l-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam.

Il-ġemellaġġi bejn l-ibliet igawdu minn fondi Ewropej taħt il-programm ta’ fondi ‘L-Ewropa għaċ-Ċittadini’ biex iċ-ċittadini Ewropej minn pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea jaqsmu l-ħsibijiet u l-kulturi tagħhom fuq diversi temi. Il-programm ‘L-Ewropa għaċ-Ċittadini’ jippromwovi l-istorja u l-valuri komuni tal-Ewropa u jrawwem sens ta’ responsabbiltà għall-mod kif tiżviluppa l-Unjoni.

Bħall-kunsill lokali ta’ Ħad-Dingli, kunsilli oħra Maltin u Għawdxin jistgħu japplikaw għal proġetti ta’ ġemellaġġ bejn l-ibliet permezz tal-assistenza tal-MEUSAC. Infatti, il-MEUSAC diġà għen diversi kunsilli biex jagħmlu dan – fosthom il-kunsill lokali ta’ Marsaskala u Ta’ Sannat.

Id-data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet li jmiss għall-proġetti ta’ ġemellaġġi bejn l-ibliet hija l-1 ta’ Frar tas-sena d-dieħla.

Għal aktar informazzjoni dwar ‘L-Ewropa għaċ-Ċittadini’ u programmi oħra ta’ fondi Ewropej, ikkuntattjana fuq funding.meusac@gov.mt jew 2200 3300.

« Back