Traineeships fl-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 16.10.19

L-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea joffru diversi opportunitajiet ta’ taħriġ u esperjenza għal żmien qasir u kif ukoll impjiegi bħala uffiċjali permanenti. Esperjenzi qosra huma l-iktar imfittxija minn żgħażagħ, sabiex jieħdu esperjenza u huma offruti minn kull istituzzjoni u aġenzija madwar l-Ewropa.

Din l-esperjenza ttik l-opportunità  taħdem fuq il-kwistjonijiet ewlenin li taqra dwarhom fl-aħbarijiet ta’ kuljum: it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, is-sikurezza u s-sigurtà, il-kummerċ, il-komunikazzjoni, biex insemmu biss xi ftit minnhom. Dan l-ambjent ta’ xogħol multinazzjonali, multilingwi u multikulturali jlaqqgħek ma’ diversi  ċittadini minn kull rokna  tal-Ewropa. Dan għaliex l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma bbażati fi Brussell, il-Lussemburgu jew Strażburgu, u l-Aġenziji huma mferrxin  madwar l-Ewropa (inkluż f’Malta, fejn għandna l-EASO), kif ukoll fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea madwar id-dinja.

Traineeship jista’ jiftaħlek bibien ġodda u opportunitajiet oħrajn, bħalma huma karrieri fl-Unjoni Ewropea, kemm temporanji kif ukoll dawk permanenti.

Sabiex ikun hemm iktar għarfien dwar dawn l-opportunitajiet fl-istituzzjonijiet akkademiċi u tagħti opportunità lill-istudenti, il-European Personnel Selection Office (EPSO) għażlet studenti mill-MCAST u l-Università ta’ Malta biex jippromwovu f’Malta l-karrieri fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ attivitajiet u mezzi ta’ komunikazzjoni, fosthom bil-paġna tal-Facebook, Instagram u Twitter fuq: EUCareersMalta b’kollaborazzjoni mar-Rappreżentanza ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea fi Brussell.

Tista’ ssib iktar informazzjoni fuq karrieri u opportunitajiet fuq:
– is-sit elettroniku tar-Rappreżentanza;
– id-Dipartiment tal-Informazzjoni;
– il-Eurodesk.

Kull min hu interessat ikun jaf aktar dwar dawn l-opportunitajiet jista’ jikkuntattja lill-MEUSAC fuq info.meusac@gov.mt, l-Aġenzija Żgħażagħ fuq agenzija.zghazagh@gov.mt kif ukoll euvacancies@gov.mt.

« Back