L-Unjoni Ewropea, ix-Xogħol u l-Ħajja Privata

Artiklu miktub minn Mauro Abela – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 28.10.19

F’dawn l-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea ħadet inizjattivi biex tagħti drittijiet aktar effettivi liċ-ċittadini u ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni. Waħda minn dawn l-inizjattivi kienet il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li nediet il-Kummissjoni Ewropea fl-2017.

Il-Pilastru huwa ġabra ta’ prinċipji u drittijiet li jappoġġjaw is-swieq tax-xogħol u sistemi ta’ assistenza soċjali ġusti u li jaħdmu tajjeb u huwa strutturat madwar tliet prijoritajiet prinċipali li huma: opportunitajiet indaqs għall-edukazzjoni u t-taħriġ u l-aċċess għas-suq tax-xogħol; kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti; u aċċess għall-protezzjoni soċjali. It-tliet prijoritajiet jiġbru fihom 20 dritt u prinċipju li bihom qiegħda tiġi affermata l-ħidma f’oqsma varji li jgħinu lill-Unjoni Ewropea timxi ‘l quddiem fil-qasam soċjali.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jservi wkoll bħala direzzjoni għall-ħidma kemm fuq livell Ewropew, kif ukoll fl-Istati Membri individwali, minħabba li wħud mill-miżuri jeħtieġu deċiżjonijiet fil-livell ta’ Unjoni, filwaqt li oħrajn jeħtieġu deċiżjonijiet mill-gvernijiet nazzjonali.

L-aċċess għas-suq tax-xogħol
Wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Pilastru huwa li jkun hemm iktar opportunitajiet u aċċess għas-suq tax-xogħol indaqs għal kull ħaddiem Ewropew. Dan ifisser li fil-qasam tax-xogħol, l-opportunitajiet jiġu pprovduti fuq bażi ugwali kemm għall-irġiel u anke għan-nisa. Għal dan il-prinċipju, il-Pilastru jirrikjedi ħidma iktar effettiva sabiex tiżdied l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol.

Ta’ min wieħed jirrimarka li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Minkejja dan, in-nisa għadhom konsiderevolment mhux rappreżentanti biżżejjed daqs l-irġiel fis-suq tax-xogħol u fil-bordijiet maniġerjali.

Trattament indaqs
Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-liġi tal-Unjoni Ewropea tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol abbażi tal-età, is-sess, id-diżabilità, l-oriġini etnika jew razzjali, ir-reliġjon jew it-twemmin, jew l-orjentazzjoni sesswali. Il-leġiżlazzjoni dwar it-trattament ugwali tistabbilixxi livelli minimi ta’ protezzjoni għal kull min jaħdem fl-Unjoni Ewropea.

Għaldaqstant, kull individwu huwa intitolat għal trattament ugwali fir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-promozzjoni, il-paga, l-aċċess għal taħriġ u t-terminu tal-impjieg involontarju. Dan huwa kollu possibbli għaliex il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea jirrikjedu li min iħaddem m’għandux jiddiskrimina fuq ix-xogħol, u l-impjegati kollha għandhom id-dritt li ma jiġux diskriminati.

Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata
Pass importanti f’dan is-settur hija d-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li ġiet adottata ftit tax-xhur ilu. Id-Direttiva għandha miżuri biex iżżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, it-teħid tal-lif relatat mal-familja u arranġamenti ta’ xogħol flessibbli, u tipprovdi wkoll opportunitajiet għall-ħaddiema biex jingħataw il-lif biex jieħdu ħsieb qraba li għandhom bżonn l-għajnuna. Dawn l-inizjattivi tal-Unjoni Ewropea jikkumplimentaw ix-xogħol siewi li qed isir f’pajjiżna sabiex jissaħħaħ dejjem iktar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.

Fuq dan is-suġġett, il-MEUSAC torganizza diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni li jservu sabiex rappreżentanti tal-imsieħba soċjali, tas-soċjetà ċivili u membri tal-pubbliku jiddiskutu dan is-suġġett u anke jressqu proposti u ideat ġodda li jiġu mressqa għall-konsiderazzjoni tal-Gvern fit-tfassil tal-pożizzjoni ta’ Malta fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Propju llum, il-MEUSAC qiegħda torganizza konferenza li tittratta suġġett li d-diskussjoni dwaru għadha fil-bidu u hu magħruf aktar bl-Ingliż bħala ‘The Right to Disconnect’. Din il-konferenza hija maħsuba biex l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili jiddiskutu argumenti favur u kontra l-fatt li fid-dinja diġitali li qed ngħixu fiha, ħafna ħaddiema jkunu mistennija jsegwu l-posta elettronika, fost l-oħrajn, barra l-ħin tax-xogħol. Dak li se joħroġ minn din il-konferenza jgħin lill-imsieħba soċjali jfasslu l-pożizzjoni tagħhom u lill-Gvern ikun jaf x’taħseb is-soċjetà ċivili dwar dan l-aspett tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Għal iktar tagħrif tista’ tikkuntattja lill-MEUSAC bit-telefown fuq 2200 3300 jew bl-email info.meusac@gov.mt.

« Back