L-MFA tgħin fl-integrazzjoni tar-refuġjati f’Malta bil-fondi tal-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Andrea Camilleri – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-magazine Sportiv – 20.10.19

L-Unjoni Ewropea tara l-isport bħala għodda siewja biex tippromwovi inizjattivi ta’ integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tar-refuġjati.

Biex tagħmel dan, l-Unjoni Ewropea bdiet toħroġ sejħiet għal proposti ta’ finanzjament ta’ proġetti bit-titlu “L-isport bħala għodda għall-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tar-refuġjati”. L-għan ta’ din is- sejħa kien li tippromwovi azzjonijiet konkreti mmirati lejn l-integrazzjoni tar-refuġjati permezz tal-isport.

Għal dawn l-aħar sentejn, il-Malta Football Association (MFA) kellha suċċess fl-applikazzjoni għall-fondi taħt din is-sejħa. Bl-għajnuna tal-MEUSAC, l-MFA rnexxielha takkwista €117,202 għal żewġ proġetti, “Include Me and I’ll Understand” u “All in: All for Football”.

L-għan tal-proġett “Include me and I’ll understand” kien li jindirizza l-integrazzjoni tar-refuġjati permezz tal-logħba tal-futbol. Biex dan jitwettaq, il-proġett inkluda parteċipanti refuġjati u Maltin fejn dawn ħadu sehem f’numru ta’ attivitajiet flimkien. Dawn l-attivitajiet kienu jiffukaw fuq pereżempju sessjonijiet ta’ tagħlim fuq dieta tajba, sessjonijiet ta’ taħriġ tal-futbol u tagħlim fuq il-kultura tal-isport tal-futbol, fost attivitajiet oħra.

Minħabba s-suċċess tal-ewwel proġett, l-MFA ħasset li għandha tkompli fuq ir-riżultati li akkwistat u fl-istess ħin ittejjeb fuqhom bil-proġett, “All in: All for Football”. Għal dan il-proġett, l-MFA żammet l-istess għan ewlieni, jiġifieri dak tal-integrazzjoni tar-refuġjati permezz tal-futbol. Saħansitra, biex ittejjeb fuq l-ewwel proġett, l-MFA żgurat li l-attivitajiet ikunu miftuħa għal parteċipanti ġodda barra dawk li ħadu sehem fil-proġett preċedenti. Dan il-proġett kien maqsum fi tnejn, b’żewġ tipi ta’ attivitajiet. Parteċipanti ġodda ħadu sehem f’attivitajiet li kienu jinkludu taħriġ tal-futbol bil-Malti u attivitajiet interkulturali relatati mal-isport, waqt li dawk il-parteċipanti li kienu diġà ħadu sehem fl-ewwel proġett ipparteċipaw f’numru ta’ attivitajiet ftit itqal, u wħud minnhom anke ftit differenti, minn dawk li kienu saru fil-proġett, “Include Me and I’ll Understand”.

F’dan il-proġett ħadu sehem taħlita ta’ parteċipanti refuġjati u  Maltin. Din it-taħlita ta’ parteċipanti kienet waħda mill-aktar elementi importanti għas-suċċess ta’ dawn il-proġetti għax kienet dik il-ħidma flimkien li ppermettiet li dawn il-parteċipanti jifhmu aktar lil xulxin, u jintegraw aktar flimkien.

Aparti mill-impatt pożittiv li dawn iż-żewġ proġetti kellhom f’Malta, l-interess ma kienx limitat għall- gżejjer Maltin biss imma wkoll barra minn xtutna, mill-UEFA u l-FIFA. Il-proġett, “Include me and I’ll understand” ġie rikonoxxut bħala proġett partikolarment tajjeb mill-UEFA, fil-pubblikazzjoni, “Football and Refugees – Addressing key challenges”, li hija kollezzjoni ta’ prattiċi tajba minn assoċjazzjonijiet membri tal-UEFA”. Apparti minn hekk, il-proġett, “All in: All for Football” kien wieħed minn sitt proġetti nominati minn madwar id-dinja għall-“FIFA Diversity Award”.

Dan is-suċċess tal-MFA fl- implimentazzjoni ta’ dawn iż-żewġ proġetti għandu jkun ta’ ispirazzjoni għal għaqdiet oħra, biex huma wkoll jimplimentaw proġetti simili u japplikaw għal dawn it-tip ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea.

Għal aktar informazzjoni dwar fondi tal-Unjoni Ewropea, tista’ tikkuntattja lill-MEUSAC fuq info@meusac.gov.mt jew 2200 3300.

 

« Back