L-Immigrazzjoni – il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri prijorità

Artiklu miktub minn Neil Portelli – Direttur, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 14.10.19

L-immigrazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea (UE) hija suġġett ta’ ħafna diskussjoni u anke tħassib għaċ-ċittadini tal-UE, inkluża Malta. Wieħed biżżejjed jara r-riżultati ta’ stħarriġiet riċenti tal-Ewrobarametru biex jinduna kemm is-suġġett huwa topiku u jqanqal tħassib. F’Malta, biss biss, 49% ta’ dawk li rrispondew għall-aħħar Ewrobarometru qalu li l-immigrazzjoni hija waħda mill-iktar sitwazzjonijiet li għalihom għandha tinstab soluzzjoni sodisfaċenti mill-iktar fis possibbli.

Fl-aħħar snin, fi Stati Membri oħra kien hemm żviluppi politiċi li juru biċ-ċar kemm iċ-ċittadini huma mħassba dwar l-immigrazzjoni fl-UE. Wieħed fil-fatt jista’ jinnota li f’diversi pajjiżi, l-iktar dawk tal-Mediterran, bħall-Italja u Franza, irreġistraw tkabbir fin-numru ta’ votanti li jissimpatizzaw ma’ partiti politiċi li jħaddnu twemmin tal-lemin estrem.

B’danakollu, ħafna donnhom jinsew li t-twaqqif tal-Komunità Ewropea lura fl-1957, u li eventwalment saret magħrufa bħala l-UE, kienet riżultat ta’ direzzjoni politika li tmur lil hinn minn dak li ġara fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin u li tippromwovi l-integrazzjoni u l-koperazzjoni, mhux il-firda u l-konfrontazzjoni.

Forsi ftit huma dawk li jinnutaw li migranti li ġejjin minn pajjiżi terzi storikament ikkontribwew b’mod sostanzjali lejn l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tas-soċjetajiet li minnhom saru jiffurmaw parti. L-integrazzjoni ta’ dawn in-nies hija kruċjali sabiex tinħass id-differenza pożittiva li dawn in-nies jistgħu jagħmlu fl-iżvilupp ta’ pajjiż.

Għalkemm huwa veru li l-immigranti li huma integrati fil-komunitajiet tagħna jistgħu jagħtu kontribut siewi, huwa veru wkoll li l-immigrazzjoni mingħajr kontroll iġġib magħha sfidi mhux żgħar u li l-UE trid tkun preparata biex tirrispondi għalihom. Dan l-aħħar qed naraw vapuri ta’ għaqdiet mhux governattivi li qed isalvaw u jġorru immigranti fir-reġjun tal-Mediterran. Dan wassal għal bosta inizjattivi minn pajjiżna biex dawn l-immigranti jitqassmu bejn grupp żgħir ta’ Stati Membri. Barra minn hekk, nhar it-23 ta’ Settembru saret laqgħa f’Malta bejn Ministri tal-Intern ta’ Malta, l-Italja, Franza u l-Ġermanja u matulha, flimkien mall-Fillandja – l-Istat Membru li bħalissa għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – u l-Kummissarju Ewropew  għall-Migrazzjoni, Dimitris Avramopoulos, iddiskutew it-tfassil ta’ dokument dwar l-immigrazzjoni. Il-Ministru għall-Affarijiet Interni u s-Sigurtà Nazzjonali, Dr Michael Farrugia spjega li d-dokument li ġie mfassal huwa riflessjoni ta’ pożizzjoni dwar l-immigrazzjoni li ser tkun preżentata lill-Istati Membri l-oħra tal-UE għall-approvazzjoni. Huwa spjega li ladarba din il-pożizzjoni tkun approvata, Stati Membri ser ikunu qed jikkomettu li jikkoperaw iktar mill-viċin u joffru li immigranti salvati mill-baħar jitniżżlu Malta u jitqassmu fi Stati Membri oħra.

Malta, bħala Stat Membru tal-UE diġà bbenefikat minn allokazzjoni finanzjarja konsiderevoli mill-2015, biex isir immaniġġjar aħjar tal-migrazzjoni. Din l-allokazzjoni finanzjarja ġiet mogħtija lil Malta permezz ta’ żewġ fondi – Il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni li permezz tiegħu Malta ngħatat €20.9 miljun u l-Fond għas-Sigurtà Interna, b’allokazzjoni ta’ €84.4 miljun. Tal-ewwel jappoġġja l-oqsma relatati mal-immaniġġjar ta’ flussi ta’ migrazzjoni, waqt li l-ieħor jappoġġja l-oqsma relatati mal-protezzjoni taċ-ċittadini u l-immaniġġjar tal-fruntieri esterni tal-UE.

Għalkemm is-soluzzjonijiet mhumiex faċli, l-immigrazzjoni hi u ser tibqa’ prijorità politika għall-UE. Id-diskussjonijiet kontinwi u l-impenn finanzjarju konsiderevoli għall-isfidi tal-immigrazzjoni huma eżempji ċari ta’ kemm l-impenn huwa kbir. Madankollu, wieħed m’għandux jinsa li l-UE żviluppat bħala kunċett ta’ koperazzjoni bejn Stati Membri li ma ridux jibqgħu waħedhom biex jindirizzaw problemi li, wara kollox, jolqtu lil kulħadd u li jkun ħafna iktar diffiċli li jindirizzawhom waħedhom milli flimkien.

« Back