Is-suġġetti STEM kruċjali għall-futur tal-Ewropa

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 23.10.19

L-avvanzi mgħaġġla fit-teknoloġija qegħdin iġibu bidliet kbar, kemm fl-ekonomija tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fil-qasam soċjali. L-innovazzjoni fis-setturi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika, l-inġinerija u setturi oħra relatati mat-teknoloġija avvanzata qegħdin ibiddlu l-istil ta’ ħajja li ngħixu, kif ukoll it-tip ta’ xogħol li nagħmlu.

Dawn il-bidliet qed iġibu magħhom żieda fid-domanda għal ħaddiema kwalifikati u mħarrġa fis-settur. Skont l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, diġà hawn 7 miljun persuna, jew 3% tal-ħaddiema kollha fl-Unjoni Ewropea, impjegati fis-settur tat-teknoloġija avvanzata. L-istatistika turi wkoll li l-bżonn ta’ ħaddiema f’dan il-qasam qiegħed kulma jmur jiżdied. Fil-fatt, l-impjiegi f’dan is-settur qed jiżdiedu bi kważi 2% fis-sena. F’Malta, dan is-settur qiegħed ikollu l-akbar rata ta’ tkabbir fost l-Istati Membri kollha, b’rata ta’ kważi 4% fis-sena.

Huwa propju dan it-tkabbir li qed jitlob aktar nies imħarrġa fis-suġġetti tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (magħrufin bħala suġġetti STEM). Fil-fatt il-gvernijiet madwar l-Ewropa qegħdin jiffaċjaw pressjoni mill-industrija u s-settur tat-teknoloġija avvanzata minħabba li mhux qed isibu biżejjed impjegati kwalifikati u mħejjija għat-tip ta’ xogħol li tirrikjedi l-industrija. Dan il-fenomenu hu magħruf bħala ‘skills gaps’. Iktar kemm jikber is-settur u konsegwentament jikber il-bżonn għal aktar ħaddiema fis-settur, iktar qed jinħass in-nuqqas ta’ gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika madwar l-Ewropa.

Fis-snin li ġejjin, l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi ser ikunu qegħdin jilagħbu rwol importanti sabiex iħajru iktar studenti jitħarrġu f’dawn is-suġġetti. Huwa ċar li hemm nuqqas ta’ interess fost studenti Ewropej fejn jidħlu suġġetti STEM, għall-fatt li ħafna drabi dawn is-suġġetti huma kkunsidrati bħala suġġetti tqal, li jirrikjedu ħafna iktar ħin ta’ studju meta mqabbla ma’ suġġetti oħra u li jwasslu biss għal karrieri meqjusa tradizzjonali, bħal tobba, spiżjara jew inġiniera. Hemm bżonn li t-tagħlim tas-suġġetti STEM madwar l-Ewropa jibda minn età żgħira u jmur lil hinn mill-klassi u mit-teorija. Iż-żieda fil-prattika u l-ħiliet li l-istudenti jkunu jistgħu jużaw fuq il-post tax-xogħol huma wkoll kruċjali sabiex isibu impjieg adattat u l-imprendituri jkunu jistgħu jimpjegaw ħaddiema li jkunu diġà mħarrġa.

Fejn tidħol l-edukazzjoni, l-Unjoni Ewropea m’għandhiex kompetenza sabiex tgħaddi liġijiet li l-Istati Membri jridu jimplimentaw. Dan ifisser li ma tistax tgħaddi liġi jew azzjoni sabiex tagħti spinta lis-suġġetti STEM. L-Unjoni Ewropea, iżda, tista’ tgħin u tikkoordina sabiex l-Istati Membri jikkollaboraw bejniethom sabiex jikber l-interess fis-suġġetti STEM fost studenti Ewropej. Barra minn hekk, mill-programm tal-qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni Horizon 2020, l-Unjoni Ewropea tiffinanzja bosta proġetti f’diversi pajjiżi  bil-għan li togħla l-parteċipazzjoni tal-istudenti fis-suġġetti STEM. Fuq livell lokali qed ikun hemm ukoll diversi proġetti u sforz minn entitajiet edukattivi sabiex titqajjem iktar kuxjenza fuq l-importanza tal-istudju ta’ suġġetti STEM f’kull livell tal-edukazzjoni.

Għalhekk huwa importanti li nħeġġu u nesponu tfal ta’ età zgħira għal dawn is-suġġetti, li wara kollox, fuqhom jiddependi l-futur tagħna. Tajjeb ngħidu wkoll li l-interess fis-suġġetti STEM ma jridx jiġi biss min-naħa tat-tfal jew l-istudenti, iżda minn kull persuna li għandha interess tadatta għall-iżvilupp u l-avvanzi teknoloġiċi mgħaġġla, għada iktar mil-lum.

« Back