Unjoni Ewropea li tipproteġi l-ħajjiet fit-toroq

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Maniġer, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 30.09.19

Illum il-ġurnata, saret ħaġa ta’ rutina li min juża l-karozza jilbes iċ-ċinturin tas-sigurtà. Dan huwa wieħed mill-ewwel miżuri ta’ sigurtà li daħlu fl-aħħar snin biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-imwiet u l-korrimenti fit-toroq. Minn dak iż-żmien, daħlu ħafna iktar miżuri, biex illum nitkellmu minn sistemi intelliġenti u sofistikati li ġabu ’l quddiem bil-kbir is-sigurtà fit-toroq.

Madankollu, fl-Unjoni Ewropea, madwar 25,000 persuna għadhom jitilfu ħajjithom kull sena minħabba inċidenti tat-traffiku. Numru ħafna ikbar minn dan ikorru serjament. Huwa stmat li għal kull persuna li tmut f’inċident tat-traffiku, madwar ħamsa oħra jweġġgħu serjament, bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu, inkluż f’termini ta’ kura u assistenza li tkun trid tingħata minħabba dawn il-korrimenti.

Fl-aħħar 20 sena, fl-Unjoni Ewropea ttieħdu miżuri biex jitnaqqsu l-imwiet u l-inċidenti fit-toroq, li fihom ikunu involuti sewwieqa, passiġġieri u persuni fit-triq. Dawn il-miżuri naqqsu r-rata b’21%, jew madwar 50,000 inċident tat-traffiku fatali kull sena. Iżda xorta għad baqa’ ħafna xi jsir biex tintlaħaq il-mira li sas-sena d-dieħla jitnaqqsu l-imwiet fit-toroq b’10,000 persuna oħra.

Mis-sena 2000, l-imwiet naqsu b’iktar min-nofs – minn 54,000 għal 25,100. F’Malta, is-sena l-oħra kellna 18-il fatalità li jagħtina s-sitt post fost it-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, wara r-Renju Unit, id-Danimarka, l-Irlanda, l-Olanda u l-Iżvezja. Meta tqabbel in-numru tal-imwiet għal kull miljun abitant, Malta toħroġ bl-iktar tnaqqis sa mill-2010, bi 38%, f’kuntrast mar-rata medja fl-Unjoni Ewropea ta’ 21%.

Meta wieħed janalizza l-istatistika, l-ikbar tnaqqis fl-imwiet kien fost is-sewwieqa u l-passiġġieri,  minħabba li l-karozzi llum saru iktar sikuri. Għad baqa’ xi jsir fejn jidħlu utenti oħrajn tat-toroq bħaċ-ċiklisti u muturi u persuni mexjin fit-triq. Dawn jammontaw għal kważi nofs in-numru ta’ mwiet.

F’Marzu li għadda, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni laħqu ftehim politiku proviżorju dwar ir-Regolament tas-Sigurtà Ġenerali rivedut. Mill-2022, teknoloġiji tas-sikurezza ġodda se jkunu obbligatorji fil-vetturi Ewropej. Dawn it-teknoloġiji jistgħu jgħinu biex jonqos l-għadd ta’ fatalitajiet u korrimenti fit-toroq tagħna, b’sistemi li jgħinu lis-sewwieqa jkunu jafu x’inhu għaddej kullimkien madwar il-vettura waqt is-sewqan, meta jkunu qegħdin jipparkjaw u biex dejjem iżommu fil-karreġġjata t-tajba. Dawn it-teknoloġiji jgħinu wkoll lis-sewwieqa jibqgħu attenti l-ħin kollu,  jiġbdulhom l-attenzjoni f’każ ta’ għeja jew distrazzjoni, u saħansitra jieqfu waħidhom awtomatikament f’każ ta’ emerġenza.

Il-Kummissjoni Ewropea, li ħarġet b’dawn il-proposti f’Mejju 2018 tistenna li l-miżuri proposti se jgħinu jsalvaw aktar minn 25,000 persuna u jevitaw mill-inqas 140,000 korriment serju sal-2038. Dan se jikkontribwixxi għall-għan fit-tul tal-Unjoni Ewropea li nersqu qrib li ma jkollniex fatalitajiet u korrimenti serji sas-sena 2050.

Dak li qed tagħmel l-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam huwa parti minn sett ta’ inizjattivi fuq firxa wiesgħa li jagħmlu t-traffiku aktar sikur. Dawn il-miżuri jinġabru taħt qafas sħiħ ta’ miżuri u liġijiet imsejjaħ ‘Ewropa Attiva’. L-għanijiet wara dan kollu huma fost l-oħrajn li: is-sistemi tat-traffiku u l-infrastruttura tat-toroq ikunu mill-aktar sikuri; jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, it-tniġġis tal-arja u l-konġestjoni; u jiżguraw kundizzjonijiet xierqa u ħinijiet ta’ mistrieħ għall-ħaddiema tat-trasport.

F’dan il-qasam, kull inizjattiva li tittieħed hija pass mirbuħ ’il quddiem għal aktar sigurtà fit-toroq, li wara kollox jaqbel għal kulħadd. Iżda l-miżuri u l-liġijiet mhumiex biżżejjed meta tikkunsidra li f’90% tal-każi ta’ inċidenti fatali u korrimenti, l-inċidenti jkunu kaġun ta’ żbalji umani. Kollox ma’ kollox, mal-inizjattivi jrid ikun hemm ir-rieda tajba tagħna lkoll li noqogħdu iktar attenti fis-sewqan u fil-mod kif nużaw it-toroq.

« Back