Unjoni Ewropea li tipproteġi – impenn sħiħ għas-sigurtà taċ-ċittadini

Artiklu miktub minn Neil Portelli, Direttur fil-MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 16.09.19

Il-ġenerazzjonijiet il-ġodda draw jgħixu f’Ewropa mingħajr gwerer. Għalhekk huwa faċli ninsew li fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, l-Ewropa kienet fil-qalba tal-akbar żewġ gwerer li d-dinja qatt kellha ġġarrab.

Minn dak iż-żmien ’l hawn, bit-twaqqif tal-Komunità Ewropea fl-1957 u bit-tkabbir gradwali ta’ dik li llum hija l-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi msieħba fehmu li t-triq ’il quddiem hija waħda – dik tal-għaqda u l-koperazzjoni.

Matul is-snin, l-Unjoni Ewropea kienet ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini tagħha billi ħadmet għall-paċi u s-sigurtà permezz ta’ politiki mmirati lejn il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali. Il-proġett tal-Unjoni Ewropea tant irnexxa li fl-2012 ġie rikonoxxut bil-premju tal-Premju Nobel għall-Paċi.

Iżda llum il-ġurnata, minkejja li fl-Ewropa m’għandniex gwerer, kull min b’xi mod jew ieħor jaqra l-ġurnali jew għandu aċċess għall-internet ta’ sikwit jaqra stejjer dwar attakki terroristiċi, kriminalità ċibernetika, traffikar tal-bnedmin u ħafna aktar. Dawn ukoll iġibu nuqqas ta’ sigurtà fl-Ewropa, bħall-fil-bqija tad-dinja.

Iżda għalkemm huwa minnu li l-isfidi huma konsiderevoli, huwa veru wkoll li l-Unjoni Ewropea għandha numru ta’ politiki bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet għal dawn it-theddidiet għas-sigurtà.

X’qiegħda tagħmel l-Unjoni Ewropea sabiex tiżgura li l-Ewropa, fl-aħħar mill-aħħar tkun post iktar sigur? U f’liema oqsma l-Unjoni Ewropea tista’ tiżgura s-sigurtà?

Jekk nieħdu l-internet bħala eżempju, bħal ħafna għodda oħra moderni, il-benefiċċji li jipprovdi huma tista’ tgħid bla limitu. Wieħed jista’, mill-kumdità ta’ daru jikkomunika, jixtri, jibgħat materjal u jisma’ mużika, fost affarijiet oħra.

Iżda x’jiġri meta nies vulnerabbli jispiċċaw vittmi ta’ kriminali? Sa minn meta daħal l-internet fid-djar, l-Unjoni Ewropea ilha taħdem sabiex tagħmel l-internet għodda sikura. Fil-fatt, l-Istati Membri jikkordinaw bejniethom permezz ta’ Ċentri għal internet iktar sikur. Dawn iċ-ċentri jipprovdu servizzi ta’ għajnuna b’xejn liċ-ċittadini dwar il-kunsens, il-protezzjoni tad-data personali u aħbarijiet foloz fost affarijiet oħra. Barra minn hekk, teżisti koperazzjoni sħiħa bejn il-pulizija fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

L-Unjoni Ewropea hija involuta pereżempju, fil-ġlieda kontra ċ-ċirkolazzjoni ta’ flus foloz. Eżempju ċar ta’ dan ġara fl-2014, meta operazzjoni kriminali notevoli ġiet imxekkla mill-puluzija Rumena u Taljana. Permezz ta’ qsim ta’ informazzjoni mibgħuta bejn il-fruntieri nqabad netwerk kbir ta’ falsifikazzjoni ta’ flus. Din l-operazzjoni waħedha evitat li miljuni ta’ ewro foloz jidħlu fis-suq Ewropew u jagħmlu ħsara konsiderevoli, kemm liċ-ċittadini u kif ukoll lis-sidien tan-negozji. L-esperti tal-Unjoni Ewropea hawnhekk għal darb’oħra kienu strumentali hekk kif wara li l-operazzjoni rnexxiet, intalbu jagħmlu analiżi dettaljata tal-flus miġbura. Dan il-pass wassal għal ġbir konsiderevoli ta’ evidenza kontra l-kriminali responsabbli.

L-Unjoni Ewropea tagħmel ukoll ħafna xogħol fil-qasam tal-fruntieri tal-art tal-Ewropa. Ħafna drabi, għall-forzi tal-ordni, din il-ħidma tkun tfisser ġirja kontra l-ħin. Hawn tidħol l-importanza li l-entitajiet rispettivi fi Stati Membri differenti jaħdmu flimkien billi jaqsmu r-riżorsi u l-esperjenza tagħhom. B’hekk, l-Istati Membri jużaw l-informazzjoni li jingħataw sabiex jitnaqqas it-theddid kriminali fil-fruntieri, speċjalment dak ġej minn pajjiżi terzi.

Dawn huma biss ftit eżempji ta’ kif l-Unjoni Ewropea tindirizza u tipprevjeni atti kriminali, li mhux biss iħallu effetti negattivi liċ-ċittadini, iżda wkoll ixekklu s-sigurtà b’mod ġenerali. F’dinja li kulma jmur qed tagħmel avvanzi mgħaġġla fuq diversi livelli, speċjlament dawk diġitali, l-Unjoni Ewropea qiegħda dejjem iżżid l-isforzi tagħha biex tassigura li ċ-ċittadini jkunu pro

« Back