L-Unjoni Ewropea u s-sigurtà tagħna

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Maniġer tal-Komunikazzjoni, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 02.09.19

L-avvanzi mgħaġġla fit-teknoloġija ġabu progress kbir f’kull livell tal-ħajja. Tħares fejn tħares u tkun fejn tkun, malajr tinduna li t-teknoloġija ġabet rivoluzzjoni fil-mod kif nagħmlu l-affarijiet b’iktar effiċjenza u preċiżjoni.

Iżda kif jiġri dejjem, kull forma ta’ progress tista’ sservi kemm għall-ġid u kif ukoll għall-ħsara. Biżżejjed insemmu l-użu tat-teknoloġija fil-kompjuters, li tista’ tgħid issibha f’kull apparat li nużaw il-ħin kollu u ta’ kuljum. Il-fatt li dawn is-sistemi jaħdmu billi jipproċessaw l-informazzjoni, jagħti lok għal min b’intenzjonijiet ħżiena u b’ħila kbira jagħraf juża l-informazzjoni għal gwadann qarrieqi. Għaldaqstant, l-awtoritajiet, l-aktar dawk tal-forzi tal-ordni, bħad-dwana u l-pulizija, irid ikollhom sistemi li jikkumbattu lill-hackers, lit-terroristi, il-frodisti u l-ħallelin. Sfortunatament, minħabba li dawn ħafna drabi jkunu ċrieki ta’ kriminalità organizzata, ma jkunx dejjem faċli li l-awtoritajiet ikunu pass qabilhom biex jipprevjenu l-atti kriminali milli jitwettqu.

Barra minn hekk, l-ebda awtorità u l-ebda pajjiż waħidhom ma jistgħu jkunu effettivi fil-ġlieda kontra dawn it-tip ta’ kriminalità. Hawn tilgħab parti importanti l-ħidma tal-Unjoni Ewropea biex iġġib flimkien l-awtoritajiet ta’ sigurtá, ta’ protezzjoni u tal-infurzar tal-liġijiet fl-Istati Membri biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom għall-protezzjoni taċ-ċittadini. Fi żmien meta l-konfini tal-pajjiżi m’għadhomx jillimitaw il-kriminalità, huwa iktar essenzjali li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jaħdmu flimkien u jikkoperaw biex ikollhom sistemi iktar koordinati u effettivi.

Għal pajjiż żgħir bħal Malta, b’limitazzjonijiet ta’ esperti mħarrġa u riżorsi ta’ sistemi u apparat bl-aħħar teknoloġija, huwa meħtieġ iktar minn qatt qabel li jkollna l-appoġġ mill-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi oħra Ewropej.

Jekk nagħtu ħarsa lejn xi aspetti fejn issir din il-koperazzjoni, nindunaw bl-importanza tagħha. Ta’ kuljum, 24 siegħa fuq 24 siegħa, l-awtoritajiet li jipproteġuna jridu jkunu fuq quddiem biex jipprevenu u jantiċipaw prattiċi u azzjonijiet illegali li jagħmlu ħsara lin-negozji, sistemi governattivi u tal-banek u liċ-ċittadini nfushom. Nieħdu l-falsifikazzjoni tal-flus pereżempju. Ħafna drabi, l-awtoritajiet ikunu qed ‘jilagħbu’ l-logħba tal-qattus u l-ġurdien, minħabba li għalkemm il-karti tal-flus dejjem jiżdidulhom elementi ġodda ta’ sigurtà, il-kriminali jaraw kif se jikkupjawhom biex jibqgħu jagħmlu l-flus foloz. L-Unjoni Ewropea tgħin lill-Istati Membri jkunu mgħammra bl-aħħar teknoloġija biex jinqabdu l-flus foloz.

Fejn jidħlu l-movimenti ta’ karozzi misruqa, traffikar tal-persuni, drogi, armi u kull xorta ta’ kuntrabandu, il-kriminali jaħdmu b’mod mgħaġġel. Fuq il-fruntieri, uffiċjali tad-dwana u uffiċjali tas-sigurtà, u forzi tal-ordni oħra fl-Istati Membri huma megħjuna mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-fruntieri, l-aktar bil-qsim tal-informazzjoni dwar attivitajiet illegali li jkunu għaddejjin.

Jekk xi darba ngdimt minn xi virus fil-kompjuter taf kif iħarbatlek kull ma jkollok fuqu, jekk ma titlifx kollox. L-internet illum tista’ tgħid jintuża minn kulħadd – mill-kbar saż-żgħar – u naturalment minn ħafna nies li ma jkollhomx intenzjonijiet tajba. Il-kriminalità tista’ ssir minn kullimkien u tista’ tagħmel ħafna ħsara psikoloġika u morali u serq ta’ flus minn sistemi ta’ kumpaniji, negozji, banek u aġenziji finanzjarji, fost l-oħrajn. Fil-fatt, 50% tal-atti kriminali f’xi Stati Membri jsiru bil-kompjuters. L-Unjoni Ewropea ħolqot netwerk ta’ protezzjoni biex tgħin lill-awtoritajiet fl-Istati Membri jikkoperaw kontra l-kriminali li jippruvaw jidħlu fis-sistemi tal-kompjuters għad-detriment tal-privatezza tal-individwi – kbar u żgħar, tas-sigurtà tal-informazzjoni, tal-ekonomija u tal-pajjiżi nfushom. Hawn ta’ min isemmi wkoll li l-fondi Ewropej jintużaw biex isiru kampanji edukattivi għall-użu għaqli tal-internet f’kull forma tiegħu.

Fejn jidħol is-salvataġġ ta’ ħajjiet, ta’ min isemmi l-fatt li madwar id-dinja ta’ kuljum jiġu salvati l-ħajjiet permezz tas-satelliti li jgħinu biex jiġu identifikati postijiet fejn ikun hemm bżonn salvataġġ. Is-satelliti ‘Galileo’ li investiet fihom l-Unjoni Ewropea jintużaw f’90% tal-każi ta’ salvataġġ. Kemm jekk biex jinstabu sajjieda maqbuda fuq il-baħar jew nies mitlufa fil-muntanji, is-satelliti jagħmluha iktar faċli li persuni tas-salvataġġ jaslu fil-post eżatt u fl-inqas ħin possibbli. Is-satelliti tal-Unjoni Ewropea jintużaw ħafna drabi bla ma taf meta tuża l-ismartphone biex jagħmillek il-ħajja iktar faċli.

Dan kollu ma jkunx possibbli mingħajr il-kontribut siewi ta’ nies dedikati f’kull pajjiż, f’kull komunità u entità, li permezz tal-Unjoni Ewropea jaħdmu flimkien, kultant b’riskju għal ħajjithom, biex jindirizzaw problemi u sfidi komuni għall-ġid tas-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej.

« Back