Lejn Unjoni Ewropea iktar sigura

Artiklu miktub minn Abigail Mizzi – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 19.08.19

L-Unjoni Ewropea (UE) spiss tiġi kkritikata li għalkemm hi qawwa ekonomika fis-swieq internazzjonali, l-importanza tagħha fl-oqsma tad-difiża u tal-politika barranija hi waħda limitata. Dil-kritika qed toħloq pressjoni fuq l-UE sabiex tkun iktar effettiva fuq livell internazzjonali, speċjalment fi sfond ta’ diversi kriżijiet li seħħew fuq l-għatba tal-Ewropa f’dawn l-aħħar snin. Fosthom kien hemm l-annessjoni tal-Krimea mar-Russja, id-destabilizzazzjoni li ħalliet warajha r-Rebbiegħa Għarbija fl-Afrika ta’ Fuq, il-kriżi tal-immigrazzjoni fil-Mediterran, it-tensjonijiet bejn l-Iżrael u l-Palestina u l-gwerra fis-Sirja, biex insemmu wħud. Il-ħatra ta’ Donald Trump bħala President tal-Istati Uniti tat raġuni oħra lill-UE sabiex ssir iktar indipendenti fil-qasam militari u tad-difiża speċjalment meta Trump stqarr kemm-il darba li l-Istati Uniti mhux ser tagħmel tajjeb għad-difiża tal-Ewropa.

B’rispons għal dan, il-Kummissjoni Ewropea ta’ Jean-Claude Juncker għamlet il-politika barranija waħda mil-prijoritajiet tal-UE f’dawn l-aħħar ħames snin. Għalkemm din il-Kummissjoni tinsab fi tmiem il-mandat tagħha, huwa mistenni li l-Kummissjoni l-ġdida tkompli fuq l-istess direzzjoni.  Fil-fatt, bil-ħatriet il-ġodda fil-karigi ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss jaf ikun hemm spinta ġdida sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fejn jidħlu kwistjonijiet internazzjonali.

Din il-prijorità mistennija tkompli tiġi indirizzata bil-ħatra l-ġdida tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Din il-kariga, għal dawn l-aħħar ħames snin kienet f’idejn Federica Mogherini u minn Novembru li ġej x’aktarx se tkun f’idejn l-Ispanjol Josep Borrell, li huwa nnominat għal din il-kariga.  L-irwol ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni nħoloq appuntu biex l-UE tkun tista titkellem b’vuċi waħda speċjalment meta wieħed iqis Unjoni li hi magħmula minn 28 Stat Membru, kull wieħed minnhom bil-politika barranija speċifika tiegħu.

Id-determinazzjoni ta’ Mogherini li tagħti viżibilità akbar lill-UE fuq livell internazzjonali ġabet magħha progress ċar fejn tidħol koperazzjoni iktar soda bejn l-Istati Membri fuq oqsma globali. Fil-fatt, grazzi għall-ħidma ta’ Mogherini, l-UE u n-NATO (l-alleanza militari bejn l-Istati Uniti u ċerti stati Ewropej) qed jaħdmu iktar flimkien speċjalment fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà marittima u sigurtà ċibernetika (sigurtà kontra atti kriminali teknoloġiċi, bħal serq u użu illegali ta’ informazzjoni privata onlajn). Minbarra dan, ġew ukoll stabbiliti strutturi sabiex iħeġġu ħidma konġunta bejn Stati Membri fuq affarijiet ta’ difiża bħall-Fond Ewropew għad-Difiża u l-Koperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO).

B’dawn l-istrutturi, il-Kummissjoni li jmiss, b’mod speċjali permezz tar-Rappreżentant il-ġdid tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin ser ikun jista’ jkompli jissaħħaħ l-irwol tal-UE fid-dinja. In-nomina ta’ Josep Borrell għal din il-kariga diġà jibgħat sinjal b’saħħtu. Borrell huwa politikant stabbilit fi Spanja u kien Ministru Spanjol diversi drabi. Hu serva bħala Membru tal-Parlament Ewropew u kien ukoll il-President tal-Parlament Ewropew bejn l-2004 u l-2009. Reċentament, kien il-Ministru tal-Affarijiet Barranin fi Spanja. B’dawn il-kredenzjali, speċjalment bl-esperjenza tiegħu fl-affarijiet barranin, Borrell jidher li għandu l-kredenzjali meħtiega biex ikompli fuq il-ħidma ta’ Mogherini: it-tisħiħ tal-vuċi tal-UE fuq livell globali.

Il-kariga tar-Rappreżentant Għoli taqa’ taħt il-President tal-Kummissjoni Ewropea li minn Novembru li ġej ser tkun Ursula Von der Leyen. Qabel din il-ħatra, Von der Leyen kienet il-Ministru tad-Difiża tal-Ġermanja. L-esperjenza tagħha f’din il-kariga taf tkun essenzjali sabiex titkompla l-ħidma lejn UE b’saħħitha fejn tidħol il-politika barranija.

Il-politiika globali hija waħda imprevedibbli u volatili li faċli tinbidel mil-lum għal għada.  Għalhekk, għalkemm b’dawn il-ħatriet il-ġodda l-UE jista’ jkollha ambizzjoni ġdida fil-qasam tal-politika barranija, iż-żmien biss jista’ jurina x’tip ta’ passi se tkun qed tieħu l-UE fl-isfond ta’ ħafna sfidi internazzjonali li se tkun qed tiffaċċja.

 

« Back