L-Għanijiet għal Żvilupp Sostenibbli – It-tfal jgħallmuna

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 14.08.19

Il-kelma sostenibbiltà tintuża spiss, f’diversi oqsma u f’ċirkostanzi varji. Minħabba f’hekk, faċilment titlef is-sens u l-importanza tagħha. Iżda fiż-żminijiet tal-lum, is-sostenibbiltà qiegħda dejjem aktar titpoġġa id f’id mal-iżvilupp u l-progress.

L-iżvilupp insostenibbli wassal pereżempju biex tikber il-mentalità ta’ ‘uża u armi’ – mentalità li ħalliet u qed tħalli impatt negattiv mhux żgħir fuq l-ambjent li ngħixu fih. Biżżejjed nieħdu l-effetti ħżiena tal-użu eċċessiv ta’ plastik li jintuża darba u jintrema, li jekk ma jiġix riċiklat idum mijiet ta’ snin biex jiddiżintegra. Jekk ma nkunux konxji li fl-art, fl-arja u fl-ibħra aħna impestati b’partiċelli mikroskopiċi ta’ plastik, nibqgħu ma nagħtux każ tal-effetti ħżiena fuq saħħitna u fuq l-ambjent ta’ madwarna.

X’inhuma l-Għanijiet għal Żvilupp Sostenibbli?
Il-pajjiżi msieħba fin-Nazzjonijiet Magħquda qablu fuq 17-il Għan li għandhom jintlaħqu sal-2030 sabiex l-iżvilupp fid-dinja jseħħ b’mod ħolistiku u b’rispett lejn kull qasam. Kemm Malta u kemm l-Unjoni Ewropea huma kommessi li jaħdmu biex kemm jista’ jkun dawn l-għanijiet jintlaħqu. L-Unjoni Ewropea tikkoordina l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli li tindirizza l-użu u l-immaniġġjar effiċjenti tar-riżorsi, tisfrutta bl-aħjar modi l-potenzjal ekoloġiku u innovattiv tal-ekonomija u li fl-aħħar mill-aħħar tiżgura l-prosperità, il-ħarsien tal-ambjent u l-koeżjoni soċjali.

Fil-konkret, il-pajjiżi msieħba huma mistennija jaħdmu biex jindirizzaw sfidi bħall-faqar, l-edukazzjoni, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-enerġija, is-saħħa, ix-xogħol, l-inugwaljanzi fis-soċjetà u oħrajn.

Il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar jgħallmuna
Matul ix-xhur tas-sajf, il-MEUSAC li tmexxi wieħed minn tliet Ċentri Ewropej ta’ Informazzjoni Europe Direct f’Malta, qiegħda torganizza logħob interattiv għat-tfal li jattendu Skolasajf biex jifhmu aktar l-importanza ta’ dawn l-Għanijiet, u kif huma jistgħu jadottaw prattiċi sostenibbli fil-ħajja ta’ kuljum.

Bħala adulti għandna ħafna x’nitgħallmu mill-mod kif it-tfal jagħrfu l-importanza tar-responsabbiltà ċivika u għandna nkunu aħna li nimxu fuq l-eżempju tagħhom billi nagħmlu bħalhom u ninkuraġġuhom ma jaħsbux biss fihom infushom, imma f’dawk ta’ madwarhom u fil-ġenerazzjonijiet futuri.

L-attivitajiet ta’ Skolasajf mill-MEUSAC qegħdin jiġu mtellgħa bl-appoġġ tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta u tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi li tmexxi Skolasajf f’Malta u f’Għawdex.

 

« Back