L-Ewropa għaċ-Ċittadini

Artiklu miktub minn Kurt Cortis, Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 05.08.18

L-Unjoni Ewropea twaqqfet biex iġġib il-paċi fil-kontinent Ewropew u biex tgħaqqad iċ-ċittadini fi ħdanha permezz ta’ benefiċċji, drittijiet, obbligi u valuri komuni. Fit-62 sena li ilha mwaqqfa, l-Unjoni Ewropea evolviet minn għaqda ta’ sitt membri ffukata biss fuq koperazjoni ekonomika, għal Unjoni  li tiġbor fi ħdanha 28 Stat Membru fi sħubija ekonomika u politika unika, bl-għan li tippromwovi paċi, filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha.

Fil-fatt, l-għaqda u l-paċi huma żewġ valuri li l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jagħrfu bħala l-ikbar kisbiet li ġabet l-Unjoni Ewropea.

F’dan ir-rigward, iċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri huma awtomatikament ċittadini tal-Unjoni Ewropea, bi drittijiet bħal dawk li tgħix, taħdem jew tistudja fi kwalunkwe Stat Membru ġewwa l-Ewropa. Barra minn hekk, bħala ċittadini Ewropej għandna d-dritt li nipparteċipaw fil-ħajja politika tal-Unjoni Ewropea, billi nivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej, kif għamilna f’Mejju li għadda u nsemmgħu leħinna fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

Għaldaqstant, l-Unjoni Ewropea kontinwament taħdem biex tħares id-drittijiet taċ-ċittadini tagħha, kif ukoll biex iżżid il-parteċipazzjoni fid-demokrazija ta’ pajjiżhom u tal-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet li jaffettwawhom.

Biex dan kollu jissaħħaħ, l-Unjoni Ewropea ħolqot il-programm ta’ fondi msejjaħ ‘L-Ewropa għaċ-Ċittadini’ (Europe for Citizens). Dan il-programm huwa strument importanti immirat li jgħin lill-500 miljun ċittadin biex jagħtu sehem akbar fl-iżvilupp tal-Unjoni. Permezz tal-finanzjament ta’ skemi u attivitajiet, dan il-programm jippromwovi l-istorja u l-valuri komuni tal-Ewropa u jrawwem sens ta’ responsabbiltà għall-mod kif tiżviluppa.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-involviment demokratiku u l-parteċipazzjoni ċivika, dan il-programm jippermetti tliet miżuri li huma: il-ġemellaġġi bejn l-ibliet, netwerks tal-ibliet, u proġetti tas-soċjetà ċivili.

L-għan tal-ġemellaġġi huwa li jlaqqgħu ċ-ċittadini Ewropej b’kulturi u valuri differenti, sabiex dawn jiddiskutu l-fehmiet differenti u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Din il-miżura tippromwovi l-parteċipazzjoni ċivika fil-proċess ta’ tfassil tal-politika tal-Unjoni u tiżviluppa opportunitajiet għall-involviment u l-volontarjat fis-soċjetà fil-livell tal-Unjoni.

Min-naħa l-oħra, awtoritajiet lokali u assoċjazzjonijiet li jaħdmu mill-qrib fuq tema komuni b’perspettiva għat-tul taż-żmien, jistgħu jiżviluppaw netwerks ta’ bliet biex il-koperazzjoni tagħhom tkun aktar sostenibbli.

Fost organizazzjonijiet oħra, dawn iż-żewġ miżuri huma miftuħa għall-kunsilli lokali u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet lokali.

Fl-aħħar nett, il-miżura tal-proġetti tas-soċjetà ċivili hi maħsuba biex tlaqqa’ ċittadini minn kulturi differenti f’attivitajiet marbutin b’mod dirett mal-politiki tal-Unjoni. L-għan hu li jagħtuhom l-opportunità li jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess ta’ tfassil tal-politika tal-Unjoni f’oqsma relatati mal-oġġettivi ta’ dan il-Programm.

Din il-miżura hija miftuħa għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet edukattivi, kulturali jew ta’ riċerka.

Fl-aħħar snin, iktar minn qatt qabel, dawn l-inizjattivi saru importanti biex l-Unjoni Ewropea tindirizza aktar it-tħassib u t-tamiet taċ-ċittadini tagħha. Is-sentiment xettiku fost iċ-ċittadini Ewropej fl-aħħar snin wassal fost l-oħrajn biex ir-Renju Unit jivvota biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Wara l-kriżi ekonomika tal-2009 u l-kriżi tal-immigrazzjoni, bosta ppuntaw subgħajhom lejn l-Unjoni Ewropea għall-ħtija.

F’dan ir-rigward, l-Unjoni qiegħda tuża dan il-fond biex tisma’ aktar u fl-istess ħin toħloq diskussjoni. Fil-fatt il-prijoritajiet magħżula għas-sena 2019 huma dawn: Dibattitu għall-futur tal-Ewropa u l-isfida tal-ewroxettiċiżmu; il-promozzjoni tas-solidarjetà fi żminijiet ta’ kriżi; it-trawwim tad-djalogu bejn kulturi differenti u l-ftehim reċiproku, u l-inklużjoni tal-immigranti u l-gruppi minoritarji. Proġetti li jindirizzaw dawn il-prijoritajiet jingħataw prijorità.

L-għan ta’ dawn it-tip ta’ proġetti hu li l-Ewropa terġa’ tqanqal l-entużjażmu demokratiku taċ-ċittadini u tiġbor lura l-fiduċja tagħhom fiha, billi tisma’ u tifhem il-problemi li għandhom.

Id-data ta’ skadenza li jmiss ta’ dawn l-imsemmija miżuri hija t-2 ta’ Settembru 2019. Dawk l-għaqdiet u kunsilli lokali li huma interessati li jiksbu aktar informazzjoni fuq dan il-programm jew li jixtiequ japplikaw għal xi waħda minn dawn il-miżuri jistgħu jikkuntattjaw lill-MEUSAC fuq 2200 3300 jew jibagħtu email fuq funding.meusac@gov.mt.

« Back