Irkejjen dwar l-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 28.08.19

Matul ix-xhur tas-sajf, bħal snin oħra, bħala Ċentru ta’ Informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea – Europe Direct – organizzajna sessjonijiet ta’ logħob edukattiv u interattiv għat-tfal li jattendu Skolasajf. Din is-sena ttrattajna l-Għanijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli, biex inrawwmu aktar fit-tfal is-sens ċiviku u li aħna lkoll responsabbli li nagħmlu d-dinja ta’ madwarna aħjar milli sibnieha.

F’dawn is-sessjonijiet jirnexxielna ngħaddu messaġġ sempliċi lit-tfal tax-xogħol li twettaq l-Unjoni Ewropea. Ikunu diversi għalliema u ġenituri li jsaqsuna għal aktar informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea u minn fejn jistgħu jaċċessaw din l-informazzjoni b’mod faċli.

F’dan il-kuntest ta’ min wieħed isir iktar familjari mas-servizzi ta’ informazzjoni li jeżistu.

Rokna ta’ tagħlim
Il-Kummissjoni Ewropea għadha kemm aġġornat sit elettroniku immirat lejn studenti tal-iskola primarja u sekondarja, l-għalliema u l-ġenituri tagħhom. Din ir-Rokna ta’ tagħlim hija aċċessibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea u tipprovdi materjal bħal logħob interattiv u materjal ta’ tagħlim li jiffoka fuq l-Unjoni u l-benefiċċji tagħha għaċ-ċittadini Ewropej. Fost is-suġġetti wieħed jista’ jsib materjal fuq il-bidla fil-klima, il-wirt kulturali, il-lingwi u l-biedja.

Barra minn hekk, l-għalliema jistgħu jsibu ġabra ta’ riżorsi biex jgħinuhom jgħallmu lill-istudenti dwar l-Unjoni Ewropea u kif taħdem. Fost ir-riżorsi wieħed jista’ jsib numru ta’ pubblikazzjonijiet, kif ukoll għadd ta’ materjal interattiv li jista’ jintuża faċilment. Is-sit elettroniku jipprovdi lill-għalliema wkoll l-opportunitajiet ta’ netwerking ma’ skejjel u ma’ għalliema oħra fl-Unjoni Ewropea.

Ir-rokna ta’ tagħlim fiha wkoll sezzjoni ta’ logħob interattiv adattat kemm għal individwi kif ukoll għal gruppi ta’ etajiet differenti.

App għaċ-Ċittadin
Il-Parlament Ewropew ħa ħsieb ukoll sabiex jiżviluppa app li titniżżel fuq l-ismartphone dwar il-ħidma vasta tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament għall-ġid taċ-ċittadini Ewropej.

Din l-app tagħtik aċċess għal informazzjoni dwar suġġetti vasti fil-qasam Ewropew, tgħarrfek dwar avvenimenti li jkunu qedin isiru, kif ukoll tipprovdilek kontenut bħal videos, podcasts u slideshows.

Ċentri ta’ Informazzjoni
Wieħed jikseb iktar informazzjoni wkoll billi jikkuntattja lill-MEUSAC, li jservi bala Europe Direct Information Centre (EDIC) ġewwa pajjiżna. L-għan ta’ dan iċ-ċentru, li bħalu nsibu fl-Ewropa kollha, hu li jippromwovi ċ-ċittadinanza Ewropea u s-sehem attiv taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku Ewropew. Iċ-ċentri tal-EDIC jipprovdu informazzjoni ġenerali dwar l-UE u jirreferu liċ-ċittadini għal sorsi ta’ informazzjoni speċjalizzati.

Għal aktar tagħrif fuq riżorsi kemm edukattivi, kif ukoll ta’ tagħlim fuq l-Unjoni Ewropea wieħed jista’ jżur is-siti elettroniċi meusac.gov.mt jew europedirectmalta.info, jew jibgħat email fuq info.meusac@gov.mt u/jew edicvalletta.meusac@gov.mt.

« Back