Il-Kummissjoni Ewropea b’miri għat tnaqqis fl-imwiet fit-toroq fl-UE

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 21.08.19

Għal bosta snin, ir-rati tal-inċidenti tat-traffiku u dawk fatali fit-toroq fl-Unjoni Ewropea kienu dejjem jirregistraw żieda. Mhux inqas jista’ jingħad għall-inċidenti fatali fit-toroq Maltin.

Fl-2017, il-Kummissjoni Ewropea stqarret li għadd kbir ta’ inċidenti fatali u korrimenti serji għadhom qed jikkawżaw sofferenza umana kbira u spejjeż ekonomiċi inaċċettabbli. Skont l-Ewrostat, fl-2016, 25,600 ruħ tilfu ħajjithom f’inċidenti fit-toroq tal-Unjoni Ewropea u 1.4 miljun persuna ndarbu.

F’Marzu ta’ din is-sena, Il-Kummissjoni laħqet ftehim dwar regoli ġodda għall-Unjoni Ewropea biex jiġu salvati l-ħajjiet.
Il-karatteristiċi ta’ sikurezza mandatorji ġodda jinkludu:

Għall-karozzi, vannijiet, trakkijiet u karozzi tal-linja: twissijiet dwar sewqan meta l-persuna tkun għajjiena u distrazzjonijiet (pereżempju dwar l-użu tal-ismartphone waqt is-sewqan), introduzzjoni ta’ sistemi ta’ assistenza intelliġenti tal-veloċità, sikurezza fir-riversjar bil-kamera jew is-sensuri, u rekordjar ta’ data f’każ ta’ inċident (‘kaxxa sewda’).

Għall-karozzi u l-vannijiet: sistemi ta’ assistenza biex il-vettura tinżamm fil-karreġġjata t-tajba, ibbrejkjar avvanzat ta’ emerġenza u ċinturini tas-sikurezza mtejba bit-testijiet tal-aċċidenti.

Għat-trakkijiet u l-karozzi tal-linja: rekwiżiti speċifiċi biex titjieb il-viżjoni diretta tas-sewwieqa tal-karozzi tal-linja u tat-trakkijiet u biex jitneħħew il-punti mhux viżibbli, u sistemi fuq quddiem u fuq il-ġenb tal-vettura biex isibu u javżaw b’utenti vulnerabbli tat-toroq speċjalment fid-dawriet.

Fejn tidħol Malta, fi stħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ħareġ li fl-2018 kien hemm tnaqqis fir-rata tal-inċidenti tat-traffiku. Għalkemm dan it-tnaqqis mhuwiex wieħed sostanzjali, fl-ewwel tliet xhur ta’ din is sena, l-NSO sab li l-inċidenti tat-traffiku reġgħu bdew jiżdiedu b’rata ta’ 8.4% fuq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.

Jidher li għalkemm qegħdin jittieħdu inizjattivi biex tiżdied is-sigurtà fit-toroq tagħna, Malta xorta waħda għadha lura f’dan il-qasam. Biex ir-rata tal-inċidenti tat-traffiku tonqos, ma jiddependix biss mill-miżuri li jittieħdu mill-awtoritajiet.

Importanti li wieħed jisħaq fuq il-fatt li kull wieħed u waħda minna għandna noqogħdu aktar attenti biex insegwu r-regoli tat-toroq. Bi ftit aktar attenzjoni minn kull min juża t-toroq Maltin, kemm sewwieqa u kemm dawk li mhumiex, ħafna inċidenti jistgħu jiġu evitati.

Il-Kummissjoni Ewropea kienet stqarriet li il-miri għat tnaqqis fl-mwiet fit-toroq fil-UE huwa li jitnaqqsu bin-nofs sal-aħħar tat-2020.

Aktar fuq l-istħarrig tal-NSO hawn.

« Back