Tlift il-passport jew il-karta tal-identità barra minn Malta? X’tagħmel?

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 31.07.19

Għalkemm meta nivvjaġġaw, il-passaport jew il-karta tal-identità jsiru wħud mill-aktar oġġetti importanti li nieħdu magħna, jista’ jiġrilna li nitilfuhom jew jinsterqulna waqt li nkunu barra minn Malta. Din tista’ tfisser inkonvenjenza kbira.

Permezz ta’ Direttiva tal-Unjoni Ewropea, jekk fil-pajjiż li nkunu qegħdin fih, ma jkunx hemm rappreżentanza ta’ konsulat jew ambaxxata, bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea nistgħu nużaw is-servizzi ta’ konsulati jew ambaxxati ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Din tapplika wkoll għal meta nkunu f’pajjiżi oħra li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea.

Huwa stmat li madwar seba’ miljun ċittadin isiefru jew jgħixu f’pajjiż li fih il-pajjiż li jkunu ġejjin minnu m’għandux ambaxxata jew rappreżentanza konsulari.

Iktar ma ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jsiefru u anki jmorru jgħixu f’pajjiżi differenti, din it-tip ta’ assistenza qed issir iktar importanti, speċjalment għal ċittadini li ġejjin minn pajjiżi żgħar bħal Malta u li m’għandhomx rappreżentanza konsulari jew ambaxxati mferrxin mad-dinja kollha.

Tajjeb li wieħed ikun jaf li din l-assistenza ma tapplikax biss għall-passaporti jew karti tal-identità mitlufa jew misruqa iżda wkoll f’każ ta’ arrest jew detenzjoni tal-individwu, meta tisfa’ vittma tal-kriminalità, ikollok inċident jew mard serju u anke mewt.

Din id-direttiva tkompli tagħti drittijiet importanti liċ-ċittadini kemm bħala aċċess kif ukoll trattament ugwali għal kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea.

« Back