Opportunità ta’ taħriġ mill-MEUSAC għall-NGOs

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Maniġer, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 22.07.19

Xi jwassal persuna li tissieħeb u taħdem f’għaqda volontarja? Fost diversi raġunijiet, il-membri impenjati f’NGOs isibu sodisfazzjon li jinvestu ftit jew ħafna mill-ħin, l-enerġija u dak li jafu, għall-ġid tal-oħrajn u tal-komunità li jgħixu fiha. Dawn il-membri ħafna drabi jistqarru li fil-ħidma tagħhom jirċievu aktar milli jagħtu.

Min-naħa l-oħra, persuna li tagħti sehemha fil-volontarjat ikollha wkoll taħdem b’riżorsi limitati, kemm umani u kemm finanzjarji. Minbarra li f’ċerti oqsma jkollok bżonn ittejjeb il-ħiliet permezz ta’ taħriġ, xi drabi tkun tixtieq u toħlom li tagħmel affarijiet u proġetti li ma jkollokx flus għalihom.

Il-MEUSAC taf tajjeb b’dawn l-isfidi u l-limitazzjonijiet għaliex ta’ kuljum taħdem mal-għaqdiet volontarji u taf minn xiex jgħaddu biex iwettqu l-missjoni tagħhom. L-uffiċjali tal-MEUSAC jiltaqgħu ma’ persuni dedikati u li jagħtu ħafna mill-enerġija tagħhom għall-għaqda li huma mseħbin fiha.

Fil-fatt il-MEUSAC għalhekk twaqqfet. Il-MEUSAC toffri l-assistenza meħtieġa lil għaqdiet mhux governattivi, flimkien ma’ kunsilli lokali u entitajiet oħra biex japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea, u kif ukoll tagħtihom possibiltajiet fejn jistgħu jsemmgħu leħinhom meta tkun qiegħda titfassal xi liġi li tapplika fl-Unjoni Ewropea, inkluż f’Malta.

Is-sena l-oħra, il-MEUSAC applikat b’suċċess biex twettaq proġett mill-fondi tal-Fond Soċjali Ewropew. Wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-proġett hu li jgħin lill-membri tal-għaqdiet volontarji jsaħħu l-ħiliet tagħhom f’diversi oqsma.

Dan il-proġett bit-titlu, ‘ENGAGE: Enhancing Stakeholder Participation in Social Dialogue’, jikkonsisti fi tliet fażijiet. L-ewwel żewġ fażijiet diġà twettqu u kienu jikkonsistu fi studju dwar il-bżonnijiet tal-NGOs meta jiġu biex jibbenefikaw mill-opportunitajiet ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea u taħriġ għall-uffiċjali tal-MEUSAC biex jgħinu aħjar lill-għaqdiet mhux governattivi. L-NGOs li ħadu sehem fl-istudju, b’mod ġenerali indikaw li organizzazzjoni bħall-MEUSAC tista’ tgħinhom ħafna minħabba r-riżorsi limitati tagħhom.

It-tielet fażi tal-proġett tal-MEUSAC se ssir lejn l-aħħar ta’ Settembru, bidu ta’ Ottubru u se tikkonsisti f’taħriġ professjonali u bla ħlas lill-membri ta’ għaqdiet mhux governattivi. Permezz ta’ dan it-taħriġ, li se jingħata kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, il-parteċipanti se jkunu f’qagħda aħjar li jkunu jafu dwar: metodi kif tħajjar iktar nies jissieħbu miegħek; kif tuża aħjar l-għodda ta’ komunikazzjoni biex twassal il-messaġġ tiegħek; kif tfassal applikazzjoni kompetittiva u tibbenefika minn Fondi tal-Unjoni Ewropea għall-proġetti tal-NGO; u kif tipparteċipa b’mod iktar effettiv fit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea.

Dan it-taħriġ se jikkonsisti f’sitt sigħat ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ teoretiku u prattiku u tliet sigħat ta’ assistenza individwali. F’din l-assistenza individwali, uffiċjali tal-MEUSAC jgħinu membri ta’ għaqdiet b’mod individwali f’oqsma li fihom ikollhom bżonn taħriġ iktar personalizzat. Dawn it-tliet sigħat jitqassmu skont l-esiġenzi u l-ħinijiet kif tkun tista’ l-persuna konċernata. Fl-aħħar, il-parteċipanti jkunu mistiedna jieħdu sehem f’seminar ta’ qsim ta’ prattiċi tajba u ta’ esperjenzi. Fit-tfassil ta’ dan it-taħriġ żammejna f’moħħna l-ħin limitat tal-membri tal-għaqdiet volontarji u għaldaqstant żammejna l-ħin tat-taħriġ kemm jista’ jkun qasir u flessibbli.

Għalkemm id-dati eżatti tat-taħriġ għadhom mhumiex stabbiliti, il-membri tal-għaqdiet mhux governattivi li huma reġistrati mal-Kummissarju tal-Volontarjat huma mistiedna juru l-interess tagħhom li jieħdu dan it-taħriġ billi jidħlu fis-sit www.meusac.gov.mt/engage/ għal iktar tagħrif. Tista’ wkoll iċċemplilna fuq 2200 3300 jew tibagħtilna email fuq info.meusac@gov.mt u nikkuntattjawk aħna.

Minħabba li l-postijiet huma limitati, dak li jkun interessat li jipparteċipa irid ikun kommess li jattendi minħabba li min ma jattendix ikun qiegħed jieħu post ħaddieħor. Fl-aħħar tal-kors ta’ taħriġ, il-parteċipanti jingħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni.

« Back