Is-sigarett ma jagħmilx ħsara biss meta tpejpu

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 18.07.19

L-effetti ħżiena tas-sigaretti fuq is-saħħa tal-bniedem huma magħrufin sew. Iżda lil hinn minn dan, hemm effetti ħżiena oħra marbutin mal-loqom tas-sigaretti li jintremew ma’ kullimkien, fosthom max-xtajta.

Riċerka reċenti tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ikkonfermat li l-loqom tas-sigaretti huma fost l-iktar oġġetti komuni li jintrema fil-bajjiet. Fil-fatt, 18% tal-iskart li jinġabar minn fejn il-baħar jikkonsisti f’loqom tas-sigaretti li jintremew fejn ġie ġie. Dan jikkonsisti fl-ogħla perċentwal fost skart problematiku ieħor bħal straws u fliexken tal-plastik.

Għalkemm oġġett żgħir, ladarba jsir skart, il-loqma tas-sigarett taffettwa ħażin l-ekosistemi u n-natura marittima. Eżempju ċar ta’ dan huma l-għasafar li ħafna drabi ma jagħmlux distinzjoni bejn il-loqom tas-sigaretti u l-ikel normali. B’konsegwenza ta’ dan qed issir ħsara li twassal għal numru ta’ mwiet f’diversi tipi ta’ ħlejjaq, fosthom l-għasafar li jpassu ħdejn il-baħar.

Dan għaliex, għalkemm mhux daqstant magħruf, il-loqom tas-sigaretti huma magħmulin minn biċċiet ta’ plastik li tipikament, idumu ħafna
ma jiddiżintegraw u li allura jibqgħu fl-organi tal-għasafar sakemm imutu.

Fuq livell individwali, huwa importanti li titqajjem iktar kuxjenza fuq dan il-fenomenu sabiex dan it-tip ta’ skart u l-effett negattiv tiegħu jitnaqqas kemm jista’ jkun. Infatti,din l-azzjoni ġiet imressqa wkoll mill-Kummisjoni Ewropea fil-proposta tagħha fuq it-tnaqqis tal-plastik li ma jerġax jintuża.

Il-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq il-proposta tal-Kummisjoni Ewropea kien li l-manifatturi
tas-sigaretti iridu jikkomettu għal iktar inizjattivi li jnaqqsu d-dannu tal-loqom tas-sigaretti u jqajmu aktar kuxjenza fost il-konsumaturi fuq dan it-tip ta’ skart.

Fl-aħħar mill-aħħar, min jiddeċiedi li jpejjep għandu għallinqas jiddisponi mil-loqma tas-sigarett b’mod responsabbli.

« Back