Il-vjaġġ it-tajjeb

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 24.07.19

Se ssiefer għal btala fuq studju jew xogħol għal żmien temporanju, f’xi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, fl-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera, jew il-Liechtenstein? Għandek Kard Ewropea għall-Assikurazzjoni tas-Saħħa valida (KEAS)?

Il-KEAS hija kard li biha tista’ tirċievi trattament ta’ emerġenza, kura tal-maternità, trattament ta’ mard kroniku u testijiet tad-demm ta’ rutina, injections jew check ups. Il-kura tas-saħħa tingħata mingħajr ħlas jew b’rata mnaqqsa matul żjara temporanja fil-pajjiżi msemmija.
Il-kard tintitolak għal kura medika fi sptarijiet jew kliniċi pubbliċi u tiġi ttrattat/a daqs iċ-ċittadini tal-pajjiż li tkun fih. Fil-pajjiżi fejn il-kura mhix totalment b’xejn, il-persuna trid tħallas bħaċ-ċittadini l-oħra u ma tiħux flus lura. Pereżempju fi Franza trid tħallas 25% tal-ispejjeż u spiża żgħira għall-ikel u l-ħasil tal-ħwejjeġ.

Inti jista’ jkollok kard u tibbenefika mill-benefiċċji tal-KEAS jekk inti residenti Malta u tħallas il-kontribuzzjonijet tas-sigurtà soċjali.
Dawk li jaħdmu Malta, iżda jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f’pajjiż ieħor tal-lista, il-kard toħroġ minn dak il-pajjiż.

Il-kard ma tkoprikx għal trattament mediku barra dawk imsemmija jew biex tieħu t-tieni opinjoni dwar xi kundizzjoni ta’ saħħa.
Jekk ikollok bżonn ta’ dijaliżi tal-kliewi jew ossiġnu għandek tagħmel arranġamenti minn qabel mal-awtoritajiet tas-saħħa tal-pajjiż li tkun sejjer/sejra. Staqsi l-Isptar Mater Dei għal aktar informazzjoni.

Biex tirċievi trattament għandek turi l-kard għax inkella jkollok tħallas.

Jekk m’għandekx il-KEAS jew għandek bżonn iġġeddidha, tista’ tapplika onlajn jekk għandek e-ID.

Tista’ wkoll tiġbor il-formola tal-applikazzjoni mill-Entitlement Unit fl-eks-outpatients tal-Isptar San Luqa jew minn xi Kunsill Lokali. Tista’ tibgħat il-formola bil-posta jew teħodha l-Entitlement Unit. Il- KEAS tiġi pproċessata bla ħlas fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta d-dokumenti jaslu l-Entitlement Unit.

Żomm l-irċevuti kollha, riċetti, kaxxi tal-mediċini u dokumenti oħra, jekk tkun trid titlob rifużjoni tal-ispejjeż meta tiġi lura u f’każ li ma kellekx il-kard x’turi meta nqalagħlek l-inċident jew bżonn li tmur fi sptar jew klinika pubbliċi.

Il-kard ma tissostitwix l-assikurazzjoni tas-saħħa privata.

Għal aktar informazzjoni idħol hawn.

Biex tikkuntattja l-Entitlement Unit tista’ ċċempel fuq 2595 2400 jew tibgħat email fuq entitlement.health@gov.mt

« Back