Fondi Ewropej għar-Restawr u l-Preservazzjoni tal-Kultura f’Żoni Rurali

Artiklu miktub minn Lynn Spiteri – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 08.07.19

Mal-medda taż-żmien, il-progress industrijali u l-immodernizzar biddlu l-istil tal-ħajja fl-irħula Maltin. Illum il-ġurnata, qajla għadek tara raħħala joħorġu l-merħliet tagħhom biex jirgħu fl-għelieqi, biex insemmu aspett wieħed tal-ħajja rurali tradizzjonali. Aspetti tradizzjonali oħra, bħall-festi u n-niċeċ fit-toroq Maltin għadna ngawduhom grazzi għall-impenn ta’ min kull sena jorganizza attivitajiet kulturali jew jirrestawra assi ta’ valur kulturali. Il-wirt rurali tal-irħula tagħna jaf jintilef jekk ma nibżgħux għalih u ma ninvestux biex nippreservawh. Iżda, grazzi għall-fondi Ewropej, dan jista’ jkun possibbli.

Riċentement, permezz tal-fondi tal-Unjoni Ewropea taħt il-programm ta’ fondi LEADER għaż-żona tax-Xlokk, ġew imnedija żewġ sejħiet – Miżura 1 u Miżura 2. Taħt Miżura 1 jistgħu japplikaw kunsilli lokali, individwi u għaqdiet mhux governattivi. Taħt Miżura 2 jistgħu japplikaw biss għaqdiet mhux governattivi. F’dan il-każ, l-għaqdiet mhux governattivi jridu jkunu entitajiet li jagħmlu attivitajiet marbutin mal-identità kulturali Maltija. Ladarba s-sejħa nħarġet fuq it-territorju tax-Xlokk, entitajiet eliġibbli jridu jkunu bbażati jew jixtiequ jagħmlu interventi f’waħda minn dawn il-lokalitajiet: il-Kalkara, ix-Xgħajra, Ħaż-Żabbar, Marsaskala, iż-Żejtun, Marsaxlokk, Ħal Għaxaq, Birżebbuġa, Santa Luċija, il-Gudja, Ħal Safi, Iż-Żurrieq, Ħal Luqa, Ħal Kirkop, L-Imqabba, il-Qrendi u Ħal Qormi.

Miżura 1 tiffinanzja r-restawr ta’ assi ta’ valur artistiku u/jew kulturali, waqt li Miżura 2 hija ffukata fuq it-tisħiħ tal-identità kulturali tax-Xlokk. Taħt Miżura 1 jistgħu jiġu ffinanzjati spejjeż marbutin mar-restawr ta’ oġġetti kulturali (eż. statwi, niċeċ, laneċ, eċċ.), spejjeż professjonali (eż. il-flus li jieħu ta’ jdejh min jirrestawra) u spejjeż marbutin ma’ pubbliċità dwar il-proġett bħal artikli fil-gazzetti. Is-Sejħa tiffinanzja sa €10,000 li ma jkoprux iktar minn 80% tal-ispejjeż totali eliġibbli. L-oġġetti kulturali restawrati għandhom jintużaw fil-promozzjoni tal-identità kulturali tax-Xlokk sabiex ikomplu jiżviluppaw il-pakkett turistiku tat-territorju.

Taħt Miżura 2 huma eliġibbli spejjeż ta’ tisbiħ jew restawr ta’ bini, ix-xiri ta’ tagħmir, strumenti, kostumi jew riżorsi ta’ taħriġ għal attivitajiet kulturali, spejjeż professjonali bħal dawk ta’ perit jew inġinier, kif ukoll il-kiri ta’ postijiet jew tagħmir sabiex jittellgħu l-attivitajiet proposti. Ma jistgħux jintalbu flus sabiex jittellgħu avvenimenti li jsiru kull sena, bħall-festi tar-raħal jew avvenimenti oħra li huma parti mill-kalendarju kulturali jew tradizzjonali. Fl-interess tal-preservazzjoni tal-identità kulturali tax-Xlokk, jistgħu jsiru wkoll  proġetti ta’ dokumentazzjoni ta’ tagħrif storiku, ġeografiku, tradizzjonali jew folkloristiku. Bħal Miżura 1 huma eliġibbli wkoll spejjeż marbutin ma’ pubbliċità dwar il-proġett bħal artikli fil-gazzetti.

Miżura 2 tkopri wkoll 80% tal-ispejjeż eliġibbli, iżda l-ammont massimu jiddependi mill-interventi li ser isiru: €20,000 għal investimenti mdaqqsa, bħal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u tisbiħ jew titjib tal-bini u li l-ispejjeż għalihom ma jistgħux jaqbżu l-10% tal-ispejjeż totali eliġibbli; €10,000 għal investimenti iżgħar; €5,000 biex jittellgħu attivitajiet kulturali.

Kemm għal Miżura 1 kif ukoll għal Miżura 2, spejjeż marbutin ma’ avvenimenti li diġà saru mhumiex eliġibbli. L-applikanti jridu jistennew konferma li t-talba tagħhom għall-fondi intlaqgħat qabel ma jibdew il-proġetti tagħhom. Flus illi ntefqu qabel ma tasal din il-konferma uffiċjali ma jistgħux jiġu rimborsati.

L-ewwel sett ta’ applikazzjonijiet għall-fondi taħt dawn il-miżuri sa jkun qed jintlaqa’ mill-awtorità tal-immaniġġjar (il-Fondazzjoni GAL Xlokk) sat-8 ta’ Awwissu 2019, f’nofsinhar; it-tieni sett ta’ applikazzjonijiet jintlaqa’ sas-26 ta’ Settembru 2019, f’nofsinhar; u t-tielet sett jintlaqa’ sal-14 ta’ Novembru 2019, f’nofsinhar. It-tieni u t-tielet sett jintlaqgħu biss dment li jkun għad fadal fondi mill-ammonti allokati għal kull miżura. Il-proġetti sottomessi jiġu evalwati fi gruppi, skont iż-żmien sa meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni.

Għal aktar informazzjoni dwar dawn is-sejħiet jew dwar opportunitajiet oħra ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea tista’ tikkuntattjana fuq 2200 3300 jew funding.meusac@gov.mt. Il-MEUSAC jista’ jassistik ukoll fil-proċess ta’ applikazzjoni għall-fondi tal-Unjoni Ewropea.

« Back