L-Għanijiet għal Żvilupp Sostenibbli

Artiklu miktub minn Mauro Abela – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 24.06.19

Il-kelma sostenibbiltà żgur li smajnieha kemm-il darba u tintuża f’diversi oqsma u f’ċirkostanzi varji. Minħabba f’hekk, faċilment titlef is-sens u l-importanza tagħha.

Iżda fiż-żminijiet tal-lum, is-sostenibbiltà qiegħda dejjem aktar titpoġġa id f’id mal-iżvilupp u l-progress. Meta nirreferu għall-progress sostenibbli, inkunu qegħdin nifhmu li l-progress isir dejjem b’rispett lejn l-ambjent u l-benesseri soċjali. Għaldaqstant, progress insostenibbli jħalli impatt negattiv fuq il-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada, u jwassal biex jiżdiedu d-differenzi bejn komunitajiet żviluppati u dawk li mhumiex, u jħalli impatt negattiv fuq l-ambjent, fost l-oħrajn.

L-iżvilupp insostenibbli wassal pereżempju biex tikber il-mentalità ta’ ‘uża u armi’, mentalità li ħalliet u qed tħalli impatt negattiv mhux żgħir fuq l-ambjent li ngħixu fih. Biżżejjed nieħdu l-effetti ħżiena tal-użu eċċessiv ta’ plastik li jintuża darba u jintrema, li jekk ma jiġix riċiklat idum mijiet ta’ snin biex jiddiżintegra. Jekk ma nkunux konxji li fl-art, fl-arja u fl-ibħra aħna impestati b’partiċelli mikroskopiċi ta’ plastik, nibqgħu ma nagħtux każ tal-effetti ħżiena fuq saħħitna u fuq l-ambjent ta’ madwarna.

Meta wieħed iqis dan kollu, it-tema tal-iżvilupp hi ta’ importanza dinjija, kemm għall-pajjiżi meqjusa żviluppati, kif ukoll għal dawk il-pajjiżi li qegħdin fil-proċess ta’ żvilupp.

X’inhuma l-Għanijiet għal Żvilupp Sostenibbli?
Il-pajjiżi msieħba fin-Nazzjonijiet Magħquda ilhom snin jaħdmu biex il-kunċett ta’ Żvilupp Sostenibbli jitħaddan mill-pajjiżi kollha, kemm dawk meqjusa żviluppati u kemm dawk li mhumiex. Fis-sena 2000 daħlu fis-seħħ l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, li ġew fi tmiemhom fl-2015. Iżda nħass il-bżonn li dawn jiġġeddu u jitwessgħu permezz tal-Għanijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli sabiex l-iżvilupp fid-dinja jseħħ b’mod ħolistiku u b’rispett lejn kull qasam. Fil-fatt, minn tmienja, l-Għanijiet telgħu għal 17. Kemm Malta u kemm l-Unjoni Ewropea huma kommessi li jaħdmu biex kemm jista’ jkun dawn l-għanijiet jintlaħqu. Fil-fatt, is-sena l-oħra, waqt laqgħa tal-MEUSAC mal-imsieħba soċjali, il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima nieda Viżjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-Gżejjer Maltin sal-2050. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea tikkoordina l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli li tindirizza l-użu u l-immaniġġjar effiċjenti tar-riżorsi, tisfrutta bl-aħjar modi l-potenzjal ekoloġiku u innovattiv tal-ekonomija u li fl-aħħar mill-aħħar tiżgura l-prosperità, il-ħarsien tal-ambjent u l-koeżjoni soċjali.

Fil-konkret, il-pajjiżi msieħba huma mistennija jaħdmu biex jindirizzaw sfidi bħall-faqar, l-edukazzjoni, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-enerġija, is-saħħa, ix-xogħol, l-inugwaljanzi fis-soċjetà u oħrajn.

Ta’ min hi r-responsabbiltà?
Ir-responsabbiltà li jintlaħqu dawn l-għanijiet taqa’ fuq kulħadd: politiċi, amministrazzjonijiet ċivili, soċjetà ċivili, kull wieħed u waħda minna. Is-17-il-Għan jitolbu minn kull wieħed u waħda minna bidla fil-mentalità fil-mod kif ngħixu u nġibu ruħna. Din il-bidla sseħħ biss jekk konxjament nagħżlu li nwettqu prattiċi sostenibbli, f’kull ma nagħmlu. Għax fl-aħħar mill-aħħar, kull azzjoni li nagħmlu, kemm kbira u kemm żgħira, taffettwa lil kulħadd.

Il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar jgħallmuna
Matul ix-xhur tas-sajf, il-MEUSAC li jmexxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Informazzjoni Europe Direct, ser ikun qiegħed jorganizza logħob interattiv għat-tfal ta’ Skolasajf li bihom huma jifhmu l-importanza ta’ dawn l-Għanijiet, u kif huma jistgħu jadottaw prattiċi sostenibbli fil-ħajja ta’ kuljum.

Bħala adulti għandna ħafna x’nitgħallmu mill-mod kif it-tfal jagħrfu l-importanza tar-responsabbiltà ċivika u għandna nkunu aħna li nimxu fuq l-eżempju tagħhom billi nagħmlu bħalhom u ninkuraġġuhom ma jaħsbux biss fihom infushom, imma f’dawk ta’ madwarhom u fil-ġenerazzjonijiet futuri.

Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jżur is-siti elettroniċi meusac.gov.mt jew europedirectmalta.info, jew jibgħat email fuq info.meusac@gov.mt u/jew edicvalletta.meusac@gov.mt.

« Back