Il-MEUSAC tħarreġ organizzazzjonijiet japplikaw għall-fondi tal-UE

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 26.06.19

Issib min jgħid li l-proċess biex organizzazzjoni tibbenefika minn fondi Ewropej huwa diffiċli u kkumplikat, speċjalment għal dawk l-organizzazzjonijiet li qatt ma ssottomettew applikazzjoni għal fondi tal-Unjoni Ewropea u li allura ma jkollhomx esperjenza f’dan is-settur.

Jista’ jagħti l-każ li organizzazzjoni jkollha riżorsi limitati u ma tkunx taf minn fejn se taqbad tibda.

Kien proprju għalhekk li twaqqfet il-MEUSAC, biex tħaffef dan il-proċess u tassisti għaqdiet mhux governattivi, kunsilli lokali u entitajiet governattivi japplikaw b’suċċess għall-fondi Ewropej.

Biex organizzazzjoni tibbenefika minn fondi tal-Unjoni Ewropea tkun trid tissottometti applikazzjoni li fiha tippreżenta proġett bid-dettalji kollha skont il-kriterji ta’ xi wieħed mill-ħafna programmi ta’ fondi. Fost l-oħrajn, l-applikazzjoni jrid ikun fiha kif se jintefqu l-flus li jkunu qegħdin jintalbu, ir-riżultati li mistennija jintlaħqu permezz tal-proġett u kif dan jindirizza l-prijoritajiet tas-sejħa partikolari. Importanti wkoll li l-applikazzjoni għall-fondi tkun kompetittiva, għaliex mhux kull min japplika għall-fondi jeħodhom awtomatikament.

Minħabba l-kuntatt kontinwu ma’ diversi entitajiet u l-esperjenza li akkumulat f’diversi snin, il-MEUSAC taf tajjeb id-diffikultajiet li ħafna organizzazzjonijiet jiffaċċjaw meta jkunu qed jiżviluppaw il-proġetti tagħhom.

Għaldaqstant, il-MEUSAC issa qed toffri wkoll taħriġ fuq il-proċess involut għall-iżvilupp ta’ proġett u t-tfassil tiegħu permezz ta’ sessjonijiet diversi mqassma matul is-sena u li jiffukaw fuq gruppi differenti ta’ entitajiet.

It-taħriġ ikopri diversi suġġetti, fosthom l-istadji differenti tal-proċess għall-iżvilupp ta’ proġett bħall-analiżi tal-ħtiġijiet, l-għanijiet u l-oġġettivi ta’ proġett.

Din is-sena l-MEUSAC diġà organizzat żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ – waħda f’Malta u l-oħra f’Għawdex – għal għaqdiet mhux governattivi u skejjel. Bejn iż-żewġ attivitajiet attendew ftit aktar minn 90 parteċipant ġejjin minn għaqdiet diversi li jaħdmu f’setturi differenti. Ir-reazzjonijiet ta’ ħafna mill-parteċipanti kienet pożittiva u ħafna minnhom issa jħossuhom aktar preparati biex jiżviluppaw proġett.

Fl-istess waqt, il-MEUSAC issa qiegħed fil-proċess li jorganizza żewġ sessjonijiet oħra ta’ taħriġ fuq l-istess suġġett fix-xahar ta’ Lulju – din id-darba għall-kunsilli lokali kollha ta’ Malta u Għawdex.

Min jixtieq aktar informazzjoni fuq dan it-taħriġ jew fuq kif tista’ tibbenefika minn fondi tal-Unjoni Ewropea ibgħat email lil funding.meusac@gov.mt jew ċempel 2200 3300.

Tista’ tara s-sejħiet miftuħin ta’ diversi programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea hawn.

Tista’ wkoll taqra stejjer ta’ suċċess ta’ organizzazzjonijiet li ħadu fondi tal-Unjoni Ewropea bl-għajnuna tal-MEUSAC hawn.

« Back