Iċ-ċittadini jħejju t-triq ’il quddiem għall-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Mark Abdilla – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 10.06.19

Iċ-ċittadini Ewropej madwar l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea ħarġu jivvutaw bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju sabiex jeleġġu l-membri li se jiffurmaw il-Parlament Ewropew għall-ħames snin li ġejjin. Wara dawn l-elezzjonijiet jibda wkoll il-proċess biex tintgħażel Kummissjoni Ewropea ġdida.

Ir-riżultati uffiċjali tal-elezzjonijiet juru li l-ikbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew għall-ħames snin li ġejjin ser jerġa’ jkun il-Partit Popolari Ewropew (PPE), li rebaħ 179 siġġu mit-total ta’ 751 siġġu. Warajh, il-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi (SD) rebaħ 153 siġġu. Tradizzjonalment, dawn iż-żewġ gruppi huma l-iktar forzi politiċi b’saħħithom fil-Parlament Ewropew, imma din id-darba l-ebda wieħed minnhom ma rebaħ biżżejjed siġġijiet sabiex jikseb il-maġġoranza meħtieġa (376 siġġu). Fil-fatt, dawn l-elezzjonijiet raw żieda fl-appoġġ lejn forzi politiċi estremi, bl-alleanza tal-Viċi Prim Ministru Taljan, Matteo Salvini, tirbaħ 58 siġġu. Fl-istess waqt, il-partit ta’ Brexit ta’ Nigel Farage kiseb 54 siġġu, u kien l-iktar partit li kiseb appoġġ fl-elezzjonijiet li saru fir-Renju Unit. Minkejja dan, l-Alleanza tal-Liberali u Demokratiċi (ALDE) u l-Grupp tal-Partiti Ħodor rebħu ammont konsiderevoli ta’ siġġijiet, fejn l-ALDE rebħu 105 siġġu, u l-Ħodor rebħu 69 siġġu. Għaldaqstant, dawn il-forzi politiċi raw żieda qawwija fl-appoġġ miċ-ċittadini Ewropej.

Żvolta oħra f’dawn l-elezzjonijiet kienet il-fatt li n-numru ta’ votanti madwar l-Istati Membri kollha kien l-ikbar f’25 sena, b’perċentwal ta’ kważi 51%. Dan huwa ammont sinifikanti għaliex l-aħħar darba li iktar minn 50% taċ-ċittadini Ewropej ħarġu jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kien fl-1994. F’dawn l-elezzjonijiet, Malta kellha t-tielet l-ogħla rata ta’ parteċipazzjoni (73%), wara l-Belġju (88%) u l-Lussemburgu (84%), waqt li l-iżgħar rati kienu fis-Slovenja (28%) u s-Slovakkja (23%). Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, fil-fatt qal li dawn in-numri juru li ċ-ċittadini huma interessati f’dak li jiġri fl-Unjoni Ewropea, u jridu jagħtu kontribut fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Il-pass li jmiss jinvolvi l-formazzjoni tal-Parlament Ewropew innifsu. Minħabba l-fatt li l-ebda partit ma kiseb il-maġġoranza tas-siġġijiet, il-gruppi politiċi ser ikunu qed jimmanuvraw sabiex jiffurmaw xi forma ta’ koalizzjoni. Dan ser ikollu impatt importanti wkoll fuq il-ħatra tal-President tal-Kummissjoni Ewropea. Tradizzjonalment, il-President tal-Kummissjoni Ewropea jiġi nominat mill-grupp politiku li jkun rebaħ l-ikbar ammont ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew. Fil-fatt, il-president attwali, Jean-Claude Juncker, kien ġej mill-PPE. Madankollu, din in-nomina trid tkun approvata kemm mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-Parlament Ewropew innifsu. Minkejja l-fatt li l-PPE rebaħ l-ikbar ammont ta’ siġġijiet, għad hemm nuqqas ta’ qbil fuq min għandu jinħatar bħala President tal-Kummissjoni Ewropea. Dan jirriżulta mill-fatt li waqt li l-PPE u s-SD tilfu ammont ta’ siġġijiet, meta tqabbel mal-elezzjoni tal-2014, il-partiti l-oħra kisbu ħafna iktar siġġijiet.

Fuq dan is-suġġett, fit-28 ta’ Mejju, saret laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew, fejn il-kapijiet tal-Istati Membri ddiskutew in-nominazzjonijiet għall-ogħla pożizzjonijiet fl-Unjoni Ewropea, li jinkludu l-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Kunsill Ewropew. B’hekk infetaħ il-proċess formali sabiex jintgħażlu l-individwi biex jokkupaw dawn il-pożizzjonijiet għas-snin li ġejjin.  Il-proċess ma jinvolvix biss id-deċiżjoni fuq min ser imexxi l-Kummissjoni u l-Kunsill, imma kull Stat Membru għandu jinnomina persuna sabiex tokkupa kariga ta’ Kummissarju fil-Kummissjoni Ewropea l-ġdida. Waqt il-laqgħa ġew stabbiliti wkoll id-dati fil-proċess tal-għażla. Il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea hu mistenni jibda’ fl-1 ta’ Novembru, waqt li l-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jibda’ fl-1 ta’ Diċembru. Dawn il-ħatriet huma partikolarment importanti għaliex il-President tal-Kummissjoni Ewropea ser ikun responsabbli mill-proposti kollha li ser isiru lill-Parlament u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-ħames snin li ġejjin. Fl-istess waqt, il-President tal-Kunsill Ewropew għandu l-irwol importanti li jiffaċilita l-laqgħat bejn l-Istati Membri u jaċċerta koperazzjoni kontinwa mal-Kummissjoni u mal-Parlament.

Il-Kunsill Ewropew ser jerġa’ jiltaqa’ fl-20 u l-21 ta’ Ġunju, fejn il-kapijiet tal-Istati Membri ser jagħmlu d-deċiżjonijiet finali f’dan ir-rigward. Dawn in-nominazzjonijiet ser jirrikjedu wkoll l-appoġġ tal-Parlament Ewropew il-ġdid.

Illum, il-Prim Ministru Joseph Muscat ser ikun qiegħed jiltaqa’ mal-membri tal-Core Group tal-MEUSAC, fejn ser ikun qiegħed jisma’ l-veduti tagħhom fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew. L-aġenda, minbarra li tinkludi x’deċiżjonijiet ser jittieħdu fuq il-ħatriet għall-istituzzjonijiet Ewropej, tinkludi wkoll diskussjoni fuq it-tibdil fil-klima, u fuq il-baġit Ewropew għas-snin 2021-2027.

« Back