‘Is-Saħħa fl-Għaqda’

Il-mexxejja tal-UE jħarsu ’l quddiem lejn futur komuni

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Maniġer tal-Komunikazzjoni, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 13.05.19

Nhar il-Ħamis, 9 ta’ Mejju ċċelebrajna Jum l-Ewropa, biex infakkru meta fl-istess ġurnata fl-1950, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż Robert Schuman kien għamel dikjarazzjoni favur “il-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar”. Ħames snin biss wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, inħass il-bżonn li l-firda li ġabet il-gwerra tiġi indirizzata bl-għaqda u l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Ewropa, li minnufih wasslet ukoll għal iktar stabbiltà u għall-paċi bejn l-Istati Membri, li għadna ngawdu sal-lum.

F’xenarju differenti, il-bżonn li nħass 69 sena ilu, li l-Istati Membri jiġbdu ħabel wieħed japplika llum ukoll. Għax għalkemm mill-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar sal-lum saru bidliet ekonomiċi, demografiċi u soċjali kbar bejn l-Istati Membri, tibqa’ l-ħtieġa li l-Istati Membri jaħdmu aktar flimkien u aktar minn qatt qabel biex jindirizzaw sfidi komuni, b’sens ta’ għaqda u ottimiżmu.

Propju f’Jum l-Ewropa ta’ din is-sena, il-mexxejja ta’ 27 Stat Membru (minbarra r-Renju Unit) iltaqgħu f’Sibiu, ir-Rumanija biex jiddiskutu l-pjanijiet għall-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin. Il-mexxejja Ewropej adottaw id-Dikjarazjoni ta’ Sibiu, li l-messaġġ ewlieni tagħha hu ta’ għaqda u ottimiżmu għall-futur.

Bid-Dikjarazzjoni ta’ Sibiu, il-mexxejja Ewropej affermaw twemmin wieħed, li s-saħħa tinsab fl-għaqda. Huma adottaw 10 aspetti tad-direzzjoni li fuqhom jixtiequ jibnu d-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-snin li ġejjin: il-ħarsien tal-interess kollettiv tal-Unjoni; vuċi waħda b’solidarjeta sħiħa; impenn għal soluzzjonijiet komuni; il-ħarsien tad-demokrazija; l-Ewropa tkun eqreb taċ-ċittadini billi tagħti kas tal-aspirazzjonijiet tagħhom; jitnaqqsu d-differenzi bejn il-popli u l-pajjiżi Ewropej; jingħataw il-mezzi meħtieġa biex l-għanijiet tal-Unjon jintlaħqu; jitħarsu l-ġenerazzjonijiet futuri; tingħata prijorità lill-protezzjoni u s-sikurezza taċ-ċittadini; tikber il-koperazzjoni internazzjonali fil-kummerċ u jiġu indirizzati sfidi globali bħat-tibdil fil-klima.

Fuq dik id-Dikjarazzjoni issa titfassal Aġenda Strateġika għall-2019-2024 biex tiġi adottata fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li se ssir fl-20 u l-21 ta’ Ġunju.

B’differenza minn strateġiji li ġew imfassla u adottati fis-snin li għaddew mill-mexxejja Ewropej, din id-darba, sar sforz biex il-pjanijiet għas-snin li ġejjin jieħdu kont ta’ dak li jaħsbu u jixtiequ ċ-ċittadini Ewropej infushom. Fl-aħħar sentejn saru mijiet ta’ laqgħat ta’ djalogu maċ-ċittadini f’kull rokna tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta, dwar temi differenti li jolqtu direttament liċ-ċittadini u li bejn wieħed u ieħor irriflettew il-ħsibijiet, l-ideat u t-tamiet għal futur aħjar għall-Unjoni.

Dawn il-laqgħat ta’ djalogu, saru kemm mill-Kummissjoni Ewropea u kemm minn entitajiet fl-Istati Membri. F’Malta u Għawdex, minbarra laqgħat ma’ Kummissarji Ewropej differenti organizzati mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, il-MEUSAC ħadet sehem f’eżerċizzju komuni fl-Istati Membri billi organizzat laqgħat bit-tema, ‘Għid tiegħek dwar l-Ewropa’. Frott ta’ dawn il-laqgħat, inġabar rapport li ġie ppreżentat fil-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru li għadda. Għaldaqstant nistgħu ngħidu li l-Aġenda Strateġika 2019-2024 se titfassal fuq dak li esprimew iċ-ċittadini Ewropej.

Bi tħejjija għas-Summit ta’ Sibiu, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet dokument bit-titlu, ‘Inħejju Unjoni iktar magħquda, b’saħħitha u iktar demokratika f’dinja dejjem aktar inċerta’.  Fi kliem il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, “Id-dmir ta’ kull ġenerazzjoni hu li tibdel id-destin tal-Ewropej, tal-preżent u tal-ġejjieni, għall-aħjar”.

Hija responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna li nagħtu s-sehem tagħna, żgħir kemm hu żgħir, biex niżguraw li l-benefiċċji li ngawdu minnhom illum, igawdu minnhom ukoll il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Dan hu l-messaġġ li mistednin naħsbu fuqu qabel neżerċitaw id-dritt tagħna li nivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej tal-25 ta’ Mejju: ‘Din id-darba se nivvota għax nippreferi nerfa’ r-responsabbiltà għall-futur, milli nwaħħal f’ħaddieħor għall-preżent”.

« Back