Il-Parlament Ewropew u l-vot tagħna ċ-ċittadini

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 29.05.19

Sa mill-1979, l-ewwel darba li ċ-ċittadin Ewropew seta’ jivvota għall-Memberi tal-Parlament Ewropew, ir-rata niżlet minn 62% f’dik is-sena, għal 42.6% fl-2014. B’turnout medju ta’ madwar 50.5% fl-Unjoni Ewropea, dawn l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kienu l-ogħla f’dan l-aħħar kwart ta’ seklu.

Madankollu, mhux iċ-ċittadini ta’ kull Stat Membru marru bi ħġarhom biex jivvutaw. Filwaqt li f’Malta ħarġu jivvutaw 72.70%, l-akbar rata ta’ voti kienet irreġistrata fil-Belġju, b’madwar 89%. Ir-residenti fis-Slovenja kienu l-inqas li marru jivvutaw, b’rata ta’ 28.29%.
Naturalment, iż-żieda globali li rajna matul dawn l-elezzjonijiet tfisser li l-parteċipazzjoni żdiedet konsiderevolment, iżda wieħed irid jara dan ir-riżultat x’verament ifisser fl-ambitu politiku Ewropew.

L-Unjoni Ewropea ilha għal dawn l-aħħar snin għaddejja minn eżami tal-kuxjenza, hekk kif qed tiffaċċja sfidi mhux biss ta’ natura ekonomika u globali, iżda sfidi li jikkonċernaw l-identità u l-għamla tagħha. Dawn l-isfidi għandhom ukoll konnotazzjonijiet interni, fejn iċ-ċittadini spiss qed iħossu li l-Unjoni hi ’l bogħod mir-realtajiet tagħhom.

Mal-ewwel daqqa t’għajn lejn ir-riżultati ta’ dawn l-elezzjonijiet, nindunaw li ċ-ċittadini lesti jsemmgħu leħinhom bil-vot fil-kuntest Ewropew. Minkejja l-fatt li kwistjonijiet nazzjonali xorta għadhom xi ftit jew wisq jaffettwaw ir-riżultat tal-Elezzjonijiet Ewropej, ma nistgħux ma nirriflettux dwar il-fatt li bosta partiti ewroxettiċi kisbu ammont konsiderevoli ta’ voti, li ntilfu minn gruppi politiċi favur l-Unjoni Ewropea.

Wieħed irid jara wkoll kif tassew se tiżviluppa l-formazzjoni tal-Parlament Ewropew, hekk kif issa jingħaqdu l-gruppi politiċi u l-koalizzjonijiet li se jiffurmaw. Bla dubju ta’ xejn, dawn l-iżviluppi se jaffettwaw id-deċiżjonijiet li se jittieħdu f’din l-istituzzjoni fis-snin li ġejjin.

Għaldaqstant, l-Unjoni Ewropea għandha tkompli żżid fl-intenzjoni tagħha li attwalment tisma’ liċ-ċittadini tagħha biex tassew tiffoka fuq sfidi li jolqtu l-ħajjiet tagħhom. Fl-istess waqt, trid tkompli ssib mezzi sempliċi ta’ kif tikkomunika l-benefiċċji tagħha, biex niżguraw li dawn verament jaslu għand kull ċittadin Ewropew.

« Back