Fondi Ewropej għall-aktar nies vulnerabbli

Artiklu miktub mill-MEUSAC u ppubblikat fuq tvm.com.mt – 22.05.19

Pajjiżna mhux nieqes minn entitajiet li jgħinu lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, fosthom persuni bil-vizzju tad-droga, b’diżabilità, dawk fir-riskju tal-faqar u oħrajn b’mard terminali.

Iżda l-professjonalità u r-rieda tajba mhumiex biżżejjed. Fejn tidħol l-għajnuna professjonali, jinħtieġu ħafna fondi għar-riżorsi minn fejn l-entitajiet joffru s-servizzi tagħhom, li ħafna drabi jingħataw mingħajr ħlas. Dan ma jfissirx li ma jiswewx flus u l-entitajiet involuti jkollhom uġigħ ta’ ras biex jiġbru l-finanzi ħalli jsostnu s-servizzi imprezzabbli tagħhom.

L-Unjoni Ewropea tikkumplimenta dawn l-isforzi billi toffri diversi programmi ta’ fondi għal proġetti li minnhom jibbenefikaw persuni u gruppi vulnerabbli fl-Istati Membri tal-UE.

Riċentement ġie mħabbar li l-Caritas Malta u Hospice Malta ser jingħataw mat-3 miljun ewro f’fondi Ewropej mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali sabiex ikollhom binjiet li minnhom jagħtu servizzi professjonali lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

Il-Caritas se tkun qed tiċċentralizza wħud mis-servizzi li toffri billi tirranġa binja ġewwa l-Blata l-Bajda sabiex tgħin persuni li spiċċaw vittmi tal-vizzji tad-droga, l-alkoħol u l-logħob tal-azzard.

Permezz ta’ dan il-proġett, il-Caritas se tkun qed tkompli tgħin ukoll diversi nies vulnerabbli biex ma jibqgħux f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali minħabba l-problemi li jkunu spiċċaw fihom. F’dan iċ-ċentru, il-Caritas sa tkun qed tiġbor ukoll l-attività amministrattiva kollha tagħha, biex b’hekk tiffaċilita l-operat tal-organizzazzjoni.

Mill-banda l-oħra, Hospice Malta sa tkun qed tinvesti f’kumpless ġewwa Ħal Balzan li permezz tiegħu sa tkun qed tiġbor is-servizzi kollha tagħha taħt saqaf wieħed u sa tkun qed tiżviluppa wkoll servizzi li huma ġodda għal Malta fil-qasam tal-kura lil persuni li għandhom mard terminali u lill-familji tagħhom.

Din il-kura tissejjaħ kura paljattiva. L-infrastruttura preżenti minn fejn topera l-Hospice bħalissa ma tippermettix li tkompli tifrex is-servizzi tagħha u toħloq oħrajn ġodda. Għaldaqstant dan il-proġett se jkun qed jgħin l-iżvilupp f’dan is-settur tas-saħħa f’pajjiżna li huwa tant importanti għal persuni li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ mard li jkun ta’ theddida għal ħajjithom.

Bħala aġenzija tal-Gvern, il-MEUSAC provdiet assistenza bla ħlas lil dawn iż-żewġ entitajiet biex setgħu jfasslu l-proġetti tagħhom u jissottomettu l-applikazzjoni meħtieġa biex jinkisbu l-fondi Ewropej.

Jekk l-organizzazzjoni tiegħek tixtieq tkun taf kif tista’ tibbenefika minn fondi tal-Unjoni Ewropea, ibgħat email lil funding.meusac@gov.mt jew ċempel 2200 3300.

« Back