Fondi Ewropej biex jitjiebu s-servizzi soċjali f’pajjiżna

Artiklu miktub minn Kurt Cortis – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 27.05.19

Caritas Malta u Hospice Malta huma żewġ organizzazzjonijiet mhux governattivi li bl-assistenza tal-MEUSAC se jingħataw fondi ta’ miljuni ta’ ewro mill-Unjoni Ewropea sabiex ikomplu jsaħħu s-servizzi tagħhom.

Dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet ilhom snin jipprovdu numru ta’ servizzi li huma essenzjali għall-komunità Maltija. Issa, permezz ta’ fondi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jkun possibbli għalihom li jibnu ċentri ġodda ħalli jkunu jistgħu jaqdu aħjar lis-soċjetà.

Caritas Malta toffri firxa wiesgħa ta’ servizzi bla ħlas lil nies vulnerabbli u emarġinati, bil-għan li jkun hawn aktar ġustizzja soċjali billi fost l-oħrajn, jitnaqqas in-numru ta’ nies bi problemi soċjali u ta’ faqar. Fil-fatt, Caritas Malta toffri servizzi lil persuni bi problemi ta’ droga, alkoħol u logħob tal-azzard permezz ta’ gruppi ta’ sapport, servizzi ta’ counselling u programmi ta’ rijabilitazzjoni. Iktar minn hekk, Caritas Malta tgħin ukoll lil dawk bla dar, kif ukoll liż-żgħażagħ billi tassistihom fl-iżvilupp personali tagħhom.

Bħalissa, Caritas Malta toffri s-servizzi tagħha minn numru ta’ stabbilimenti mxerrdin mal-Gżejjer Maltin, u għaldaqstant xtaqet tinvesti f’ċentru komuni, ibbażat fil-qalba tal-komunità bil-għan li tiġbor f’post wieħed is-servizzi kollha tagħha, apparti dawk residenzjali. Permezz tal-fondi Ewropej,  Caritas Malta se tkun tista’ twettaq dan il-proġett imsejjaħ ‘Caritas Community Centre’, fil-Ħamrun, sabiex issaħħaħ l-aċċessibiltà għas-servizzi tagħha billi tkun eqreb tal-komunità, waqt li tkompli toħloq servizzi ġodda.

Hospice Malta ilha toffri s-servizzi tagħha mill-1989 fil-qasam ta’ kura paljattiva, magħrufa wkoll bħala kura fi tmiem il-ħajja. Hospice Malta toffri numru ta’ servizzi bil-għan li ttejjeb il-kwalità ta’ ħajja tal-pazjenti u tal-familjari tagħhom li jkunu għaddejjin minn mard terminali, bħall-kanċer. Dan tagħmlu permezz tal-prevenzjoni u s-serħan mit-tbatija, kif ukoll toffri għajnuna għal problemi psikosoċjali u spiritwali.

Permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, Hospice Malta se tibbenefika wkoll minn fondi Ewropej biex jinfetaħ ċentru ġdid f’Santa Venera, u tkompli ssaħħaħ is-servizzi preżenti tagħha, kif ukoll toffri servizzi ġodda, permezz ta’ proġett ieħor ta’ infrastruttura msejjaħ, ‘St Michael’s Hospice Complex’. Dan il-proġett, finanzjat parzjalment minn fondi Ewropej, se jwassal biex Hospice Malta tkun tista’ toffri s-servizzi ta’ kura paljattiva tant bżonjużi lil aktar nies u fl-aħħar mill-aħħar, tkun tista tipprovdi livell ogħla ta’ kura u sapport lil familji fil-bżonn.

Biex Caritas Malta u Hospice Malta ħadu l-fondi sabiex iwettqu dawn iż-żewġ proġetti kbar, huma użaw is-servizzi bla ħlas tal-MEUSAC li għenithom biex ikunu jistgħu jissottomettu proposta valida tal-proġett tagħhom. Il-fondi Ewropej jingħataw wara li tkun saret applikazzjoni għalihom, li jkun fiha l-għanijiet tal-proġett, kif se jintefqu eżattament il-fondi Ewropej u jekk bil-fondi li jingħataw ikunux se jintlaħqu l-għanijiet soċjali tal-Unjoni Ewropea. Fil-każ ta’ dawn iż-żewġ proġetti, il-fondi Ewropej se jkunu qed jintużaw biex itejbu l-ħajja ta’ nies vulnerabbli u emarġinati.

Il-MEUSAC toffri assistenza, primarjament lill-għaqdiet mhux governattivi u kunsilli lokali, biex ikun aktar faċli għalihom japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea. L-uffiċjali tal-MEUSAC għandhom l-għarfien ta’ kif jaħdmu l-fondi u kif wieħed japplika għalihom, u għalhekk, l-organizzazzjonijiet li jkunu jridu japplikaw isibuha aktar faċli.

Filwaqt li l-organizzazzjonijiet jingħataw pariri ta’ kif inhu mistenni jiġi ppjanat u żviluppat proġett, u jekk hux fil-linja tal-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea, il-MEUSAC saħansitra tipprovdi assistenza diretta wkoll fil-mili tal-applikazzjoni mingħajr ħlas.

Dawk li huma interessati jiksbu aktar informazzjoni jistgħu jikkuntattjaw lill-MEUSAC fuq 2200 3300 jew jibagħtu email fuq funding.meusac@gov.mt.

« Back