Malta – Storja ta’  Suċċess fl-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Manager, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 15.04.19

Il-Malti jgħid, ‘L-essenza fil-fliexken iż-żgħar issibha’. L-istorja ta’ pajjiżna tikkonferma l-verità ta’ dan il-qawl Malti, li minkejja ċ-ċokon tagħha, din in-naqra ta’ gżira dejjem irnexxielha tisfrutta l-ġrajjiet li ġew fuqha, jew li għażlet għaliha nfisha.

Dan jgħodd ukoll għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Kien fl-1 ta’ Mejju 2004 meta Malta saret Stat Membru daqs l-ikbar pajjiżi fi ħdanha. Għalkemm kollox fih il-vantaġġi u l-iżvantaġġi, nistgħu ngħidu li anki hawn, il-poplu Malti rnexxielu jagħmel storja ta’ suċċess.

Kollox ma’ kollox, l-Unjoni Ewropea ġabet f’pajjiżna l-ħajja u l-livell tal-għajxien ’il quddiem: bil-moviment ħieles, fil-kwalità tal-prodotti u s-servizzi, fit-toroq, fir-restawr, fis-saħħa, fit-titjib tal-ħiliet, fit-taħriġ, fl-edukazzjoni, fl-impjiegi, u f’ruxxmata oqsma oħrajn. Il-fondi tal-Unjoni Ewropea huma forsi l-iktar eżempju li jidher ta’ dan is-suċċess; suċċess li ma kienx jinkiseb kieku ma kienx għad-dedikazzjoni ta’ ħafna nies li sarrfu bil-għaqal il-fondi tal-Unjoni Ewropea fi proġetti b’risq il-pajjiż u l-komunitajiet.

Dan is-suċċess ma nkisibx fil-fondi biss. F’dawn l-aħħar 15-il sena, konna kapaċi nipparteċipaw, bil-limitazzjonijiet kollha tagħna, f’kull livell ta’ teħid tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea, bla ma nħallu s-sens ta’ inferjorità jżommna lura. Is-sehem tal-uffiċjali tal-gvern u tar-rappreżentanti tal-għaqdiet minn kull settur, fil-fora u l-istituzzjonijiet Ewropej, wera li Malta, minkejja ċ-ċokon taghha ġġib ir-riżultati. Biżżejjed wieħed isemmi s-suċċess tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel sitt xhur tal-2017.

Nistgħu ngħidu bla tlaqliq li l-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea għandhom x’jitgħallmu mingħandna. Nistgħu nsemmu l-ekonomija u l-impjiegi. Aspett ieħor ta’ dan is-suċċess hu li minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet huma aktar qrib in-nies. L-Unjoni Ewropea għandha titgħallem minna u tkun aktar taċ-ċittadini billi tisma’ u tindirizza aktar it-tamiet u t-tħassib tagħhom.

Il-MEUSAC hija wkoll aġenzija siewja tal-gvern, li bħalha ma ssibx fi Stati Membri oħra, li twaqqfet propju biex tkun punt ta’ riferiment għaċ-ċittadini fil-Gżejjer Maltin fejn tidħol l-Unjoni Ewropea. Permezz tal-MEUSAC tista’ ssib l-informazzjoni, issemma’ leħnek f’laqgħat ta’ konsultazzjoni u tibbenefika mill-fondi Ewropej.

L-anniversarji ma jiġux biss biex inħarsu lura. Irridu nħarsu ’l quddiem biex is-suċċess tal-aħħar 15-il sena jkun sostnut u jkompli jikber. Fl-istess ħin irridu nżommu f’moħħna lil dawk li b’xi mod jew ieħor intlaqtu ħażin mis-sħubija u nkomplu nindirizzaw l-isfidi li ġġib magħha l-Unjoni Ewropea f’setturi partikolari. Irridu wkoll nagħtu widen lil dawk li ma jarawx is-sħubija bħala pożittiva jew li l-Unjoni għandha iktar diffetti milli preġji u li xi drabi tuża l-istess kejl li tuża ma’ pajjiżi ħafna ikbar minna.

Hemm bżonn ukoll li, kif għamel fl-aħħar snin, pajjiżna jkompli juri lill-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea li l-Unjoni ma tibqax Unjoni jekk mhux kulħadd jiġbed ħabel wieħed.

Min-naħa tagħna, ċittadini tal-Unjoni Ewropea, ma nistgħux noqogħdu ngergru għal min jieħu d-deċiżjonijiet għalina,  mingħajr ma aħna stess nagħtu sehemna billi ninfurmaw ruħna dwar dak li jkun għaddej, u nagħtu l-opinjonijiet tagħna b’diversi mezzi, fosthom il-mezzi tax-xandir, laqgħat u okkażjonijiet oħra. L-iktar okkażjoni qrib se tkun l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fil-25 ta’ Mejju, li fiha għandna nużaw għodda importanti tal-proċess demokratiku billi mmorru nivvutaw lil dawk li naħsbu li jirrappreżentawna bl-aħjar mod f’din l-istituzzjoni importanti tal-Unjoni Ewropea.

Kull min hu interessat jista’ jsegwi dak li tkun qiegħda tagħmel il-MEUSAC u jikseb informazzjoni dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew permezz tal-websajt (meusac.gov.mt) u kif ukoll il-paġna Facebook (facebook.com/meusacmalta), bit-telefon 2200 3300 jew bl-email info.meusac@gov.mt.

« Back