Il-Vot 16 fl-Elezzjonijiet Ewropej

Artiklu miktub minn Mark Abdilla – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 01.04.19

Fil-25 ta’ Mejju, ċittadini Maltin u Ewropej ser ikollhom l-opportunità li jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Dawn l-elezzjonijiet ser jiddeċiedu liema kandidati se jieħdu s-sitt siġġijiet allokati lil Malta fil-Parlament Ewropew għas-snin 2019-2024. Għaż-żgħażagħ Maltin li jkunu għalqu s-16-il sena, b’mod partikolari, dawn l-elezzjonijiet ser ikunu opportunità li jivvutaw għall-ewwel darba.

Fil-fatt, is-sena l-oħra, Malta naqqset l-età minima għad-dritt tal-vot għal 16-il sena. Malta hi t-tieni Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE) wara li l-Awstrija għamlet dan il-pass fl-2007, u l-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni fl-2015 li talab għal età ta’ votazzjoni iktar baxxa madwar l-UE kollha. Il-ħsieb wara r-riżoluzzjoni hu li jkun hemm iktar ugwaljanza u inqas diskriminazzjoni fil-proċess demokratiku. Madankollu, id-deċiżjoni finali fuq l-età tal-vot trid tittieħed mill-Istati Membri fuq livell nazzjonali. Sa issa huma biss l-Awstrija u Malta li ħadu dan il-pass biex żgħażagħ ta’ 16-il sena jkunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-kunsilli lokali, dawk tal-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet ġenerali.

L-importanza li żgħażagħ minn 16-il sena ’l fuq jieħdu sehem fil-proċess demokratiku hi waħda sinifikanti. Wara kollox, din toffri opportunità liż-żgħażagħ biex ikollhom vuċi fuq il-ġejjieni tagħhom. Fil-fatt, ħafna suġġetti li qed jiġu diskussi, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew, jista’ jkollhom impatt qawwi fuq ġenerazzjonijiet futuri. B’mod partikolari, wieħed jista’ jħares lejn it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll l-immaniġġjar tal-iskart. Għaldaqstant il-vot taż-żgħażagħ hu importanti biex huma wkoll ikunu jistgħu juru l-fehma tagħhom fuq dawk is-suġġetti li huma ta’ importanza għalihom.

Sabiex iż-żgħażagħ jiġu megħjuna u jkunu infurmati dwar il-proċess tal-votazzjoni, iċ-Ċentru ta’ Informazzjoni dwar l-UE – Europe Direct Valletta, immexxi mill-MEUSAC, u l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qegħdin jagħmlu sessjonijiet ma’ studenti tas-sekondarja u ma’ skejjel post-sekondarji. Dan bil-għan li żgħażagħ li ser jivvutaw għall-ewwel darba jkunu jafu eżatt x’jinvolvi l-proċess tal-votazzjoni, u kif huma jistgħu jipparteċipaw u jkunu iktar involuti fil-proċess demokratiku.

Illum, aktar minn qabel, sa mill-età tal-iskola primarja u sekondarja, l-istudenti diġà qed ikunu involuti fil-proċess demokratiku billi jingħataw iċ-ċans isemmgħu leħinhom dwar materji li wara kollox jolqtu lilhom ukoll. Minbarra inizjattivi bħall-Parlament taż-żgħażagħ, kull sena jiġi organizzat summit għall-istudenti li jieħdu sehem f’EkoSkola, fejn studenti li ġejjin minn skejjel primarji u sekondarji jiddiskutu kwistjonijiet ambjentali u jagħmlu diversi proposti lill-politiċi. Fil-fatt, fis-summit ta’ din is-sena, li sar fil-15 ta’ Marzu, l-istudenti ddiskutew it-traffiku, l-iskart fil-baħar, kif ukoll in-nuqqas ta’ spazji ħodor għall-pubbliku. Inizjattivi bħal dawn juru kemm it-tfal għandhom interess fid-dimensjoni politika minn età żgħira, partikolarment fuq suġġetti li jħallu impatt fuq il-futur tagħhom. Dan jawgura tajjeb biex meta jikbru diġà jkollhom interess li jsemmgħu leħinhom. Il-MEUSAC kien involut fl-organizzazzjoni ta’ dan is-summit, u l-proposti tal-istudenti ser jitressqu fil-Parlament fil-ġranet li ġejjin.

L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fil-25 ta’ Mejju ser jinfluwenzaw id-direzzjoni politika tal-UE għall-ħames snin li ġejjin. Għaldaqstant, dan ifisser li ċ-ċittadini Ewropej ser ikunu qed jilagħbu rwol importanti f’dan il-proċess, u hu importanti li kulħadd jipparteċipa fil-proċess demokratiku u juża d-dritt tal-vot tiegħu b’mod għaqli.

Għal iktar informazzjoni dwar l-elezzjonijiet Ewropej wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-kampanja Ewropea, ‘diddarbasenivvota.eu’ jew jikkuntattja lil Europe Direct Valletta mmexxi mill-MEUSAC fuq edicvalletta.meusac@gov.mt jew fuq 2200 3316.

« Back