15-il sena sħubija fl-Unjoni Ewropea: xi tfisser għalija?

Artiklu miktub minn Mandy Falzon, Kap tal-MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 29.04.19

Nhar l-Erbgħa nfakkru l-15-il sena minn meta Malta saret Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, flimkien ma’ disa’ pajjiżi oħra. Dakinhar, l-Unjoni Ewropea kibret għal 25 Stat Membru.

Dak iż-żmien kien għad kelli 15-il sena u kont qiegħda nagħmel l-eżamijiet tal-Matrikola. Kont determinata li nkompli l-istudji tiegħi fuq l-Unjoni Ewropea, nesperjenza l-Erasmus u nibni karriera fil-qasam Ewropew.

Fl-2008, meta Malta adottat l-Ewro, għadni niftakar nara t-televiżjoni u nfakkar lili nnifsi li qed nesperjenza parti mill-istorja, li biha, gżira f’nofs il-Mediterran b’popolazzjoni ta’ 400,000 ruħ kienet se tkun qed tuża munita li hi t-tieni l-aktar munita wżata fs-swieq internazzjonali wara d-dollaru Amerikan.

Fl-2010, ħriġt mill-università u bdejt il-karriera professjonali tiegħi. Bdejt nesperjenza b’mod dirett il-proċess legiżlattiv tal-Unjoni Ewropea u stajt ninduna għalfejn mhux kulħadd jifhem kif taħdem l-Unjoni. Stajt nagħraf id-diffikultà li wieħed jifhem il-proċess twil u kultant ikkumplikat sakemm jintlaħaq qbil bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew fuq xi direttiva jew regolament ġdid. Kont inħoss li għandi nkompli naħdem biex aktar nies, l-iktar il-Maltin u l-Għawdxin iħossu li huma parti integrali minn dan il-proġett Ewropew.

Min-naħa l-oħra nemmen li waqt li nistgħu ninvestu ħafna enerġija biex nispjegaw kif taħdem l-Unjoni Ewropea, fl-aħħar mill-aħħar dak li jgħodd hu li lkoll kemm aħna nħossuna parti minnha billi  nħossu l-effetti tagħha fil-ħajja ta’ kuljum. Mill-kwalità tal-ikel li nieklu, għall-mowbajl li nistgħu nużaw f’kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma nħallsu żejjed, għall-kwalità tat-toroq, il-possibiltà li mmorru pajjiż ieħor mingħajr ma nagħmlu ħin twil fil-kju biex jittimbrawlna l-passport. U tant benefiċċji u opportunitajiet oħra. Din hi u din għandha tfisser l-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini tagħha.

B’mod ġenerali, l-Unjoni Ewropea kellha effetti pożittivi fuq il-ħajja taċ-ċittadini f’Malta u Għawdex. Jien stess, meta mort nistudja ġo università barra minn Malta tgħallimt ħafna u kbirt personalment. Dan kien possibbli, għax bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, żgħażagħ Maltin jistgħu jmorru għal perjodu jistudjaw f’università oħra bħala parti mill-programm Erasmus.

B’karriera bbażata fuq l-Unjoni Ewropea, u issa kap tal-aġenzija MEUSAC, inħossni kburija li flimkien mal-kollegi tiegħi naħdmu qatigħ biex inkomplu nwasslu l-informazzjoni dwar id-drittijiet, il-benefiċċji u l-opportunitajiet tal-Unjoni Ewropea lill-poplu Malti. Naħdmu biex l-imsieħba soċjali jingħataw leħen fid-diskussjoni dwar inizjattivi u liġijiet li jkunu qed jiġu diskussi fuq livell Ewropew u ngħinu lil mijiet ta’ organizzazzjonijiet biex japplikaw għall-fondi Ewropej.

Fl-esperjenza tiegħi, u issa aktar bħala Kap tal-MEUSAC, l-Unjoni Ewropea nħossha u mmissha b’idejja. Niltaqa’ ma’ żgħażagħ li marru għall-ewwel darba jiltaqgħu ma’ żgħażagħ f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea u jiġu lura entużjasti li kibru fl-għarfien li huma jiffurmaw parti minn xi ħaġa ħafna ikbar minn pajjiżna. Inħares madwari u nara siti storiċi u kulturali bħall-MUŻA u diversi lokalitajiet oħra li reġgħu ħadu l-glorja tagħhom bir-restawr li sarilhom. Nisma’ b’żgħażagħ li ma kellhom l-ebda forma ta’ edukazzjoni jerġgħu jingħataw ċans itejbu l-ħiliet tagħhom. Dawn huma ftit minn dak li niltaqa’ miegħu fix-xogħol tiegħi.

Madankollu, inħoss li l-ottimiżmu tiegħi dwar il-proġett Ewropew irid ikun ukoll bilanċjat minn laqgħat li jkolli ma’ uħud li jħossu li l-Unjoni Ewropea ma kellhiex l-effett pożittiv li xtaqu, jew li jħossu li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea ma jagħtuhomx biżżejjed widen għal dak li għandhom xi jgħidu. Minkejja li matul dawn il-ħmistax-il sena, il-biċċa l-kbira tal-Maltin urew li huma favur l-Unjoni Ewropea, ma jfissirx li kollox ward u żahar. Dan jimlieni b’aktar determinazzjoni biex flimkien mal-kollegi tiegħi fil-MEUSAC, inkomplu naħdmu ħalli l-Unjoni Ewropea tkun eqreb taċ-ċittadini u  nkomplu nwasslu l-benefiċċji u l-opportunitajiet li toffri s-sħubija fl-Unjoni Ewropea lil firxa aktar wiesgħa ta’ nies.

B’hekk nemmen li għalina l-Maltin u l-Għawdxin, l-Unjoni Ewropea tibqa’ proġett ta’ suċċess għal din il-gżira ċkejkna f’nofs il-Mediterran.

« Back