L-Elezzjonijiet tal-Parlament u l-Fondi Ewropej

Artiklu miktub minn Lynn Spiteri – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 18.03.19

Bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE) se jkunu qegħdin jivvutaw biex jeleġġu l-Membri tal-Parlament Ewropew (MPE) għall-perjodu 2019-2024. F’Malta, l-elezzjoni se ssir fil-25 ta’ Mejju u l-membri eletti se jkunu sitta. Meta nivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew inkunu qegħdin neżerċitaw id-dritt tagħna li nagħżlu lil dawk li naħsbu li jistgħu jindirizzaw bl-aħjar mod l-interessi tagħna f’din l-istituzzjoni importanti tal-UE.

Għaldaqstant, il-kampanja li qed imexxi l-Parlament Ewropew bit-tema, ‘Did-darba se nivvota’ tħeġġeġ liċ-ċittadini Ewropej sabiex jivvutaw fl-elezzjonijiet li ġejjin u jħeġġu ċittadini oħra jivvutaw ukoll. Iżda għaliex għandhom iċ-ċittadini Maltin jivvutaw f’dawn l-elezzjonijiet?

Il-Membri tal-Parlament Ewropew (MPE), flimkien mal-Kunsill tal-UE, għandhom sehem dirett fit-tfassil ta’ liġijiet u politiki fl-Unjoni billi jassiguraw li jiġu mħarsa u msaħħa l-interessi taċ-ċitadini li jirrappreżentaw. Għaldaqstant, permezz tal-vot tagħhom, iċ-ċittadini Ewropej ikunu qegħdin jinfluwenzaw x’tip ta’ deċiżjonijiet jittieħdu fuq livell Ewropew għall-benefiċċju tagħhom.

Il-Parlament Ewropew għandu sehem dirett ukoll fl-approvazzjoni tal-baġit tal-UE ta’ kull sena, li jiġi aċċertat li jkun fil-parametri tal-baġit ta’ seba’ snin, li wkoll jinħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament biex jiġi adottat. Il-MPE mhux biss japprovaw l-ammonti tal-baġits tal-UE, imma wkoll kif u f’liema oqsma jitqassmu.

Kull sena, il-MPE jevalwaw kif il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jkunu nefqu l-flus tal-UE u jiddeċiedu jekk japprovawx kif intefqu, jew saħansitra jekk il-flus għandhomx ikunu rtirati minħabba li ma jkunux intefqu skont il-kriterji li għalihom ingħataw.

Fis-snin kemm ilha Malta fl-UE, il-fondi Ewropej għenu ħafna biex jogħla l-livell tal-ħajja f’ħafna aspetti: mill-infrastruttura u r-restawr, għas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, skambji taż-żgħażagħ u proġetti fil-komunità.

Impossibbli li nsemmi l-eluf ta’ proġetti li saru bil-fondi Ewropej f’dawn l-aħħar ħmistax-il sena. Għalhekk nillimita ruħi għal ftit eżempji mill-proġetti li seħħew bl-assistenza tal-MEUSAC. Fil-fatt, mill-2008 sal-lum, il-MEUSAC assista 419 entità differenti sabiex jibbenefikaw minn ftit iktar minn €49 miljun f’fondi Ewropej għall-proġetti tagħhom.

Fil-qasam tal-iżvilupp rurali nkisbu fondi biex il-karattru rurali ta’ ċerti bliet u rħula Maltin jiġi mħares billi ssewwew ħitan tas-sejjiegħ u tranġaw toroq rurali li jwasslu għall-għelieqi.

Taħt il-programm tal-LEADER, li wkoll jiffoka fuq l-iżvilupp rurali, ngħataw fondi lill-kunsilli lokali u entitajiet mhux governattivi għat-tisbiħ tal-lokalitajiet tax-Xlokk bil-pjanti u s-siġar kif ukoll għall-promozzjoni tal-identità kulturali tar-reġjun. Diversi kunsilli lokali u għaqdiet mhux governattivi applikaw għal tisbiħ tal-lokalitajiet b’ġonna u siġar, kif ukoll għal proġetti kulturali u infrastrutturali.

Bħala proġetti infrastrutturali, diversi entitajiet Maltin applikaw b’suċċess għal proġetti ta’ restawr ta’ strutturi ikoniċi f’diversi lokalitajiet li ser iwasslu biex isaħħu l-prodott turistiku f’dawn il-lokalitajiet, kif ukoll għall-ħarsien ta’ strutturi marbutin mal-istorja ta’ Malta. Dawn inkludew il-Mużew tat-Tunnara ġewwa l-Mellieħa, it-Torri tal-Arloġġ tal-Imtarfa u l-Mitħna tan-Naxxar.

Il-Fondi tal-UE jippermettu l-implimentazzjoni ta’ numru ta’ proġetti li jsaħħu s-sigurtà tal-pajjiż u taċ-ċittadini li jgħixu f’pajjiżna. Fost l-istejjer ta’ suċċess f’dan ir-rigward, hemm il-proġetti tal-Korp tal-Pulizija u tad-Dipartiment tad-Dwana fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi. Il-MEUSAC assista lil dawn iż-żewġ entitajiet sabiex jibbenefikaw minn €1.4 miljun għal tliet proġetti. Il-Korp tal-Pulizija qed jinvesti f’cameras li jaqraw il-pjanċi tar-reġistrazzjoni tal-karozzi u xiri ta’ software għall-iproċessar ta’ rapporti minn diversi taqsimiet fil-Korp. Id-Dipartiment tad-Dwana se jixtri vann mgħammar b’tagħmir tal-X-ray li jippermetti lill-uffiċjali tad-dwana f’Malta jispezzjonaw iktar fid-dettall merkanzija li tidħol f’Malta mis-suq intern tal-UE.

Dawn huma ftit eżempji ta’ kif pajjiżna jibbenefika mill-fondi Ewropej u huwa wieħed mir-raġunijiet għaliex f’Mejju li ġej għandna nivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Għal aktar tagħrif dwar l-UE, opportunitajiet ta’ fondi u s-servizzi li joffri l-MEUSAC, tista’ tikkuntattjana fuq info.meusac@gov.mt jew iċċemplilna fuq 2200 3300.

« Back