Il-vot tiegħek jgħodd

Artiklu miktub minn Mauro Abela – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 04.03.19

F’inqas minn għaxar ġimgħat oħra, bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE) ser ikunu qegħdin jipparteċipaw f’elezzjonijiet madwar l-Istati Membri sabiex jeleġġu l-membri li se jirrappreżentawhom fil-Parlament Ewropew għas-snin 2019-2023. F’Malta, l-elezzjonijiet se jsiru fil-25 ta’ Mejju u se jservu sabiex, permezz tal-vot tagħhom in-nies jagħżlu lil dawk il-kandidati li jaħsbu li jistgħu jirrappreżentaw l-interessi tagħhom bl-aħjar mod. Bil-vot fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin iċ-ċittadini jkunu qegħdin jipparteċipaw f’waħda mill-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE li l-membri tagħha huma eletti direttament miċ-ċittadini.

Il-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandu jservi biex iċ-ċittadini juru li mhux biss jittamaw f’futur aħjar, imma jieħdu dan iċ-ċans li bil-vot jagħtu sehemhom għall-futur tal-UE kif jixtiquh. Huwa inutli li ngergru għal dak li jmissu jsir, jew għal dak li ma nixtiqux li jsir, jekk fl-elezzjonijiet li ġejjin ma nivvutawx.

Stħarriġ maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea juri li, 63% tal-Maltin intervistati jemmnu li s-sħubija ta’ Malta fl-UE hija ħaġa pożittiva, u li 82% taċ-ċittadini Maltin iħossuhom ċittadini Ewropej. Skont l-Ewrobarometru, 47% ta’ dawk intervistati f’Malta qalu li huma infurmati sew fuq affarijiet relatati mal-UE. Barra minn hekk, 76% tal-Maltin jixtiequ jkunu jafu iktar dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE.

Li wieħed ikun infurmat dwar dak kollu li jkun qiegħed isir fuq livell Ewropew huwa importanti għaliex b’hekk ikun kapaċi jifhem aħjar x’qed tagħmel l-UE għaċ-ċittadini u kif qed taffettwalhom ħajjithom fuq livell personali u fil-ħajja ta’ kuljum. Dan jgħin ukoll biex fl-elezzjonijiet li ġejjin, iċ-ċittadini tal-EU jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata, ibbażata fuq il-fatti, aktar milli fuq għajdut.

Hemm diversi metodi li bihom tista’ tinkiseb informazzjoni dwar dak li tagħmel l-UE u kif qiegħda taffettwa l-ħajja taċ-ċittadini permezz tal-liġijiet u l-politiki li jiġu diskussi u approvati bejn l-Istati Membri.

Aġenzija governattiva bħall-MEUSAC, hija wieħed mis-sorsi ta’ informazzjoni li għandna f’pajjiżna. Minbarra li tinvolvi s-soċjetà ċivili u dawk interessati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell Ewropew, tinforma lill-għaqdiet mhux governattivi u lill-kunsilli lokali dwar fondi Ewropej u tassistihom fil-proċess tal-applikazzjoni għall-proġetti li jkunu jixtiequ jwettqu. Il-MEUSAC tmexxi wkoll Ċentru ta’ Informazzjoni dwar l-UE msejjaħ Europe Direct. L-għan ta’ dan iċ-Ċentru, li bħalu nsibu fl-Ewropa kollha, hu li jippromwovi sehem aktar attiv taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku Ewropew. Jipprovdi wkoll informazzjoni ġenerali dwar l-UE u jirreferi liċ-ċittadini għal sorsi ta’ informazzjoni skont il-każ u l-ħtieġa.

Il-MEUSAC u ċ-Ċentru Europe Direct qegħdin jorganizzaw ukoll diversi attivitajiet marbuta mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Is-Sibt li ġej, 9 ta’ Marzu u l-Ħamis ta’ wara, 14 ta’ Marzu, se jintwerew żewġ films fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta li jittrattaw temi marbutin mal-UE. Il-films qegħdin jintwerew mingħajr ħlas, u min hu interessat jista’ jirriserva post mis-sit elettroniku: kreattivita.org/event/european-film-nights/, jew iċempel fuq 2122 3200.

Fil-ġimgħat li ġejjin ser isiru attivitajiet oħra, fosthom stands fuq il-monti  b’informazzjoni dwar l-elezzjonijiet, u żjajjar lill-istituzzjonijiet post-sekondarji biex jikber l-għarfien fost dawk l-istudenti ta’ 16-il sena li se jivvutaw għall-ewwel darba. Dawn l-attivitajiet qegħdin isiru b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta.

Min jixtieq aktar informazzjoni dwar avvenimenti li se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin jista’ jżur is-siti elettroniċi meusac.gov.mt jew  europedirectmalta.info. Għal iktar informazzjoni fuq l-UE, wieħed jista’ jibgħat email fuq info.meusac@gov.mt u/jew edicvalletta.meusac@gov.mt.

« Back