Fondi tal-UE aktar aċċessibbli bl-għajnuna tal-MEUSAC

Artiklu miktub minn Lynn Spiteri – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 04.02.19

Fl-għaxar snin li ilu mwaqqaf, il-MEUSAC assista numru kbir ta’ entitajiet biex jiksbu fondi tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-proġetti tagħhom.

Permezz ta’ dan is-servizz, għaqdiet mhux governattivi, kunsilli lokali u entitajiet tal-Gvern jingħataw għajnuna personalizzata u mingħajr ħlas, li tikkonsisti fl-għoti ta’ informazzjoni dwar il-programmi ta’ fondi varji tal-UE, pariri dwar kif tinħadem applikazzjoni kompetittiva u dwar kif jimtlew l-applikazzjonijiet neċessarji għal dawn il-fondi.

Minbarra l-uffiċini fil-Belt Valletta, għall-konvenjenza ta’ kunsilli, għaqdiet u individwi bbażati f’Għawdex, il-MEUSAC għandu wkoll uffiċċju reġjonali ġewwa l-kampus tal-Università ta’ Malta li qiegħed ir-Rabat.

Mill-esperjenza ta’ dawn l-għaxar snin, l-entitajiet li użaw is-servizzi tal-MEUSAC dejjem apprezzaw l-għajnuna professjonali li ngħataw, anki minħabba l-fatt li l-biċċa l-kbira tagħhom huma għaqdiet b’riżorsi limitati u li għalihom, kieku ma tkunx dik id-daqqa t’id ta’ min jaħdem fis-settur, ħafna jaħbtu jaqtgħu qalbhom japplikaw għall-fondi tal-UE.

Fil-fatt, il-MEUSAC assista iktar minn 400 entità tikseb ftit iktar minn €49 miljun f’fondi tal-UE li jinqasmu kif ġej: 219 għaqda mhux governattiva kisbu ’l fuq minn €12-il miljun, kunsilli lokali kważi €22 miljun, u entitajiet tal-gvern mal-€15-il miljun.

Bħalma jixhdu dawn l-istatistiċi, il-MEUSAC qiegħed ikollu impatt pożittiv ħafna għal bosta entitajiet sabiex jibbenefikaw mill-fondi disponibbli mill-UE. Il-proġetti li daħlu għalihom dawn l-entitajiet ivarjaw minn skambji ta’ żgħażagħ għal ġemellaġġi bejn il-bliet u proġetti ta’ riċerka u ta’ infrastruttura. Din il-varjetà tirrifletti l-firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet ta’ fondi tal-UE f’oqsma li jolqtu ż-żgħażagħ, l-ambjent, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-taħriġ, eċċ.).

Biex jinfurmaw lil dawk li jkunu interessati dwar fondi tal-UE, uffiċjali tal-MEUSAC jorganizzaw diversi sessjonijiet ta’ informazzjoni matul is-sena biex jagħtu informazzjoni dwar programmi ta’ fondi li jkunu disponibbli u jinfurmaw lil dawk li jattendu bl-assistenza li joffri l-MEUSAC fil-proċess ta’ applikazzjoni. Regolarment, l-uffiċjali tal-MEUSAC jibagħtu wkoll jinfurmaw lill-entitajiet li jkunu eliġibbli li japplikaw għal xi fondi li jkunu disponibbli biex b’hekk ijnżammu aġġornati bla ma jkollhom għalfejn ifittxu l-informazzjoni huma. Sa mis-sena l-oħra, din l-informazzjoni setgħet tingħata iktar permezz ta’ fondi tal-UE li l-MEUSAC ħa biex iservi ta’ Ċentru ta’ Informazzjoni msejjaħ Europe Direct.

Il-MEUSAC dejjem ifittex modi kif itejjeb is-servizzi tiegħu ħalli jibqa’ jagħti l-aħjar għajnuna possibbli lill-entitajiet Maltin u Għawdxin fejn jidħlu l-fondi tal-UE li jilħqu l-bżonnijiet tagħhom. Riċentement il-MEUSAC introduċa wkoll sessjonijiet ta’ taħriġ fuq kif jiġu żviluppati progetti kompetittivi u kif għandhom jintlew l-applikazzjonijiet għall-fondi. Dan is-servizz intlaqa’ tajjeb ħafna, tant li l-MEUSAC issa qiegħed jippjana sessjonijiet oħra għall-2019 biex ilaħħaq mal-interess u d-domanda li kien hemm meta ġew offruti dawn is-sessjonijiet f’Malta u Għawdex fl-2018.

Fuq bażi regolari, il-MEUSAC jirċievi talbiet għall-informazzjoni permezz ta’ telefonati, posta elettronika u talbiet għal laqgħat individwali kemm f’Malta u anki f’Għawdex.

Bħalissa l-MEUSAC qiegħed jimplimenta proġett kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew sabiex jevalwa kif jista’ jibqa’ jtejjeb is-servizzi li joffri. Il-proġett jinkludi fost l-oħrajn, it-taħriġ tal-uffiċjali tal-MEUSAC biex itejbu l-kwalità tax-xogħol tagħhom. Dan il-proġett għandu jixpruna l-ħidma tal-MEUSAC, sabiex inkomplu nħarsu ’l quddiem lejn kif nistgħu nibqgħu nsaħħu s-servizzi eżistenti u nadattaw għall-bżonnijiet tal-entitajiet Maltin u Għawdxin.

Għal kwalunkwe informazzjoni dwar fondi tal-UE, ikkuntattja lill-MEUSAC fuq funding.meusac@gov.mt u bit-telefown 2200 3300 f’Malta jew 2155 2868 f’Għawdex.

« Back