Brexit: X’fih il-Ftehim tal-Ħruġ?

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Maniġer, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 18.02.19

Id-deċiżjoni tar-Renju Unit li ma jibqax Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (UE) hija waħda mill-iktar ġrajjiet politiċi li ġabu inċertezza dwar il-futur tal-proġett Ewropew. Mill-iskattar ta’ Artiklu 50 tat-Trattat dwar l-UE, u waqt id-diskussjonijiet u l-voti li saru f’dawn l-aħħar xhur fil-Parlament tar-Renju Unit, is-sitwazzjoni kkumplikat ruħha aktar milli wieħed kien jistenna. Wieħed irid jikkunsidra wkoll il-fatt li d-data tad-29 ta’ Marzu, li fiha r-Renju Unit suppost għandu uffiċjalment joħroġ mill-UE, tinsab wara l-bieb.

Fiex jikkonsisti l-Ftehim tal-Ħruġ maqbul bejn l-UE u l-Gvern tar-Renju Unit f’Novembru 2018, li sa llum għadu ma ġiex approvat mill-Parlament tar-Renju Unit?

Il-Ftehim beda jiġi negozjat wara d-29 ta’ Marzu 2017, meta l-Prim Ministru tar-Renju Unit skattat l-Artiklu 50. Il-ħsieb li mexxa lin-negozjaturi għall-UE kien li jħarsu l-interessi tal-Unjoni, taċ-ċittadini, tan-negozji u tal-Istati Membri tagħha, waqt li jiżguraw li l-proċess tal-ħruġ ikun kemm jista’ jkun ordnat.

X’inhuma l-oqsma ewlenin li ġew negozjati u li huma koperti bil-Ftehim?

Il-Ftehim jaħseb biex jipproteġi lil madwar 3 miljun ċittadini tal-UE (madwar 30,000 minnhom Maltin) u lil madwar miljun ċittadin tar-Renju Unit fi Stati Membri oħra (madwar 13,000 minnhom f’Malta). Din il-parti tal-Ftehim tħares id-drittijiet taċ-ċittadini milquta li jgħixu, jaħdmu jew jistudjaw fir-Renju Unit jew f’xi Stat Membru tal-UE rispettivament.

Fin-negozjati kien importanti li jiġu indirizzati kwistjonijiet marbuta mas-separazzjoni tar-Renju Unit mill-UE, biex din issir kemm jista’ jkun b’mod ordnat u bl-inqas riperkussjonijiet possibbli. Għaldaqstant, il-Ftehim jaħseb għal perjodu ta’ tranżizzjoni, sal-aħħar tas-sena 2020, li jista’ jiġi estiż darba, għal sena jew sentejn oħra. Fil-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-liġi tal-UE tibqa’ tapplika għar-Renju Unit, mingħajr ma l-UE tipparteċipa fl-istituzzjonijiet jew korpi tal-UE.

Kien importanti wkoll li r-Renju Unit u l-UE jiftiehmu biex jonoraw l-obbligi finanzjarji li daħlu għalihom flimkien sakemm ir-Renju Unit huwa Stat Membru tal-UE. Dawn l-obbligi mhumiex multi imposti fuq ir-Renju Unit, imma huma marbuta fost l-oħrajn mas-sehem fi programmi ta’ fondi u l-baġit tal-UE, u l-bżonn li jiġu onorati dawn l-obbligi.

Sezzjoni oħra tal-Ftehim hija dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tiegħu b’mod effettiv. Fil-Ftehim ġew inklużi tliet protokolli: wieħed biex iħares l-interessi taċ-Ċiprijotti li jgħixu u jaħdmu f’Akrotiri u Dhekelia – żewġ bażijiet militari sovrani tar-Renju Unit; protokoll ieħor jipprovdi għall-koperazzjoni bejn Spanja u r-Renju Unit f’numru ta’ oqsma ta’ politika f’Ġibiltà għall-perjodu ta’ tranżizzjoni; u t-tielet protokoll dwar il-fruntiera bejn ir-Repubblika tal-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq. Kien importanti li jiġi mħares il-ftehim ta’ paċi milħuq f’Belfast, l-Irlanda fl-1998, magħruf bħala l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, li ġab fi tmiemu 30 sena ta’ kunflitt fil-Gżira Irlandiża.

Dan tal-aħħar nistgħu ngħidu li, fost affarijiet oħra, huwa l-qofol tan-nuqqas ta’ qbil fil-parlament tar-Renju Unit li wassal biex il-Ftehim tal-Ħruġ ma jiġix approvat min-naħa Brittanika.

Waqt li f’dan l-istadju, il-Prim Ministru May għadha qiegħda tipprova ssalva l-Ftehim tal-Ħruġ mal-UE, ħadd ma jaf kif se jseħħ il-Brexit. Sadanittant, il-Gvern Malti diġà ħabbar pjan dettaljat fil-każ ta’ Brexit mingħajr ftehim (no deal) li jkopri 36 settur differenti.

Pajjiżna, bħalma wera fi sfidi oħra fil-passat, kapaċi jadatta b’mod strateġiku għal kull eventwalità. Li hu pożittiv hu li r-relazzjonijiet bejn Malta u r-Renju Unit imorru lura snin twal u dejjem kienu tajbin ħafna u sodi. Il-ħidma tal-Gvern hija ffukata fuq il-fatt li dawn ir-relazzjonijiet jitjiebu filwaqt li pajjiżna jibqa’ josserva l-obbligi tiegħu ta’ Stat Membru tal-UE. Kif qal il-Prim Ministru, għalkemm il-Brexit mhux sitwazzjoni pjaċevoli, pajjiżna għandu jara kif jista’ jieħu l-aħjar minnu.

Id-dettalji dwar il-pjan tal-Gvern Malti f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-UE bla ftehim jinsabu fis-sit www.gov.mt waqt li mistoqsijiet relatati ma’ Brexit jistgħu jsiru billi wieħed iċempel freephone 153.

Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel il-MEUSAC fuq 2200 3300 jew jibgħat email info.meusac@gov.mt.

« Back