2019 – Sena kruċjali għall-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Manager, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 07.01.19

Fl-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea (UE) iffaċċjat numru ta’ sfidi li ħabbtu mhux ftit lill-mexxejja tal-Istati Membri u qanqlu reazzjonijiet imħallta dwar fejn sejra u fejn għandha tmur fis-snin li ġejjin. Hemm min jgħid li l-UE kienet vittma tas-suċċess tagħha stess għaliex filwaqt li matul is-snin kibret minn Unjoni ta’ sitt Stati Membri għal 28, il-mod kif irreaġixxiet għal sfidi kbar li għaddiet minnhom setgħu ma kinux biżżejjed u f’waqthom biex iżommu l-fiduċja taċ-ċittadini li jagħmlu parti minnha.

L-isfidi l-kbar li għaddejja minnhom l-UE jirrikjedu soluzzjonijiet konvinċenti u koerenti għall-futur tal-UE u din is-sena li se ġġib ħafna bidliet tista’ wkoll tara bidla fid-direzzjoni għal UE iktar effettiva. Iżda dawn il-bidliet jiddependu ħafna minn dak li se joħroġ minn avvenimenti importanti li se jiġru matul is-sena, bil-ħruġ tar-Renju Unit fl-aħħar ta’ Marzu u s-summit tad-9 ta’ Mejju fir-Rumanija b’UE ta’ 27 Stat Membru. L-istituzzjonijiet tal-UE wkoll se jinbidlu din is-sena: il-Parlament Ewropew wara l-elezzjonijiet fl-aħħar ta’ Mejju b’membri u President ġodda; il-Kummissjoni Ewropea b’membri u President ġodda; u President ġdid għall-Kunsill Ewropew flok Donald Tusk.

UE taċ-ċittadini
Matul is-sena l-oħra saru diversi tentattivi biex terġa’ tinbena l-fiduċja li kienet naqset ħafna fis-snin ta’ qabel minħabba l-mod kif ħafna nies kienu u għadhom iħossu li l-UE mhix twieġeb b’mod konvinċenti għat-tħassib u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Fost dawn, insemmu r-rieda li l-istituzzjonijiet u l-mexxejja tagħhom jisimgħu aktar liċ-ċittadini permezz ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni jew djalogi maċ-ċittadini madwar l-UE, inkluż f’Malta. Għalkemm stħarriġiet riċenti tal-Ewrobarometru wrew li din il-fiduċja qiegħda terġa’ tikber, dak li se tgħaddi minnu l-UE matul din is-sena se jseħħ fost sentiment ta’ skuntentizza fil-maġġoranza taċ-ċittadini tagħha. B’mod ġenerali, l-Ewropej iridu li l-UE tindirizza b’mod konvinċenti t-tamiet u t-tħassib tagħhom b’mod li jagħrfu li huma u pajjiżhom ikunu aħjar fl-UE milli barra minnha.

Il-bżonn tal-għaqda
L-UE ma tistax tkun Unjoni jekk l-Istati Membri tagħha ma jsibux modi kif, minkejja d-differenzi ta’ bejniethom, jaħdmu aktar flimkien. L-isfortuna tkun jekk Unjoni maqsuma tiġi iżolata għax ma jkollhiex saħħa titkellem b’vuċi waħda f’fora internazzjonali u ma’ blokki ekonomiċi oħra.

Il-MEUSAC fl-2019
Bħal fis-snin li għaddew, il-MEUSAC se tkun impenjata li tkompli tgħin liċ-ċittadini fil-Gżejjer Maltin jieħdu l-aħjar mis-sħubija fl-UE waqt li tinvolvihom aktar f’dak li jkun għaddej fl-UE matul din is-sena. Il-MEUSAC dejjem tara kif taġġorna l-funzjonijiet tagħha, li tiffaċilita d-djalogu mas-soċjetà ċivili, li tassisti organizzazzjonijiet mhux governattivi u kunsilli lokali biex jiksbu fondi mill-UE, u li tipprovdi informazzjoni dwar l-UE.

Biex twettaq din il-funzjoni aħjar, permezz ta’ fondi mill-UE, il-MEUSAC isservi ta’ Ċentru ta’ Informazzjoni Europe Direct (EDIC), li bħalu, fil-pajjiżi tal-UE jinsabu madwar 450 uffiċċju, bi tnejn minnhom jinsabu f’Malta u wieħed f’Għawdex. L-EDIC jorganizza wkoll attivitajiet biex jikber l-għarfien dwar politiki u inizjattivi oħra tal-UE.

Barra minn hekk, permezz ta’ fondi mill-Fond Soċjali Ewropew, il-MEUSAC se tkompli twettaq proġett li nbeda s-sena l-oħra biex ittejjeb id-djalogu soċjali f’Malta u żżid il-parteċipazzjoni tal-organizazzjonijiet fil-proċessi tal-UE.

Matul is-sena, kull min hu interessat jista’ jsegwi dak li tkun qiegħda tagħmel il-MEUSAC u l-aħħar aħbarijiet mill-UE permezz tal-websajt (meusac.gov.mt) u kif ukoll il-paġna Facebook tal-aġenzija (facebook.com/meusacmalta). It-telefon tal-MEUSAC hu 2200 3300 u l-email, info.meusac@gov.mt.

« Back