Fondi tal-UE għall-Pulizija u d-Dwana bl-assistenza tal-MEUSAC

Artiklu miktub minn Lynn Spiteri – Uffiċjal Esekuttiva, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 12.12.18

Il-kuntrabandu u l-evażjoni tat-taxxa fuq prodotti impurtati fl-Unjoni Ewropea (UE) jolqot ħażin lill-industriji leġittimi u lil kull min iħallas it-taxxa dovuta, li parti minnha tmur għall-baġit tal-UE.

Fl-2017 inqabdu 1,146 każ ta’ frodi marbut mal-importazzjoni illegali ta’ prodotti fl-UE, ammont li jlaħħaq l-€467 miljun. Dan ħareġ mir-rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea għall-2017 dwar il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE. Għalkemm dan huwa ammont kbir ta’ flus, jirrappreżenta tnaqqis ta’ 19.3% fuq l-2016. Dan it-tnaqqis jista’ jiġi attribwit kemm għal miżuri implimentati mill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll mill-Istati Membri, fosthom Malta.

L-istituzzjonijiet tal-UE jimplimentaw numru ta’ inizjattivi ta’ skambju tal-informazzjoni bħall-Anti-Fraud Information System kif ukoll operazzjonijiet konġunti kontra l-frodi. Diversi Stati Membri wkoll bdew jimplimentaw miżuri sabiex jiġġieldu l-frodi, fosthom b’miżuri ġodda ta’ awditjar u pieni iktar ħorox għal min ma jiddikjarax flus jew oġġetti oħra fejn meħtieġ lill-uffiċjali tad-dwana.

Il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-kuntrabandu tat-tabakk huma l-prijoritajiet ewlenin tal-programm ta’ fondi tal-UE, Hercule III. B’baġit totali ta’ €104.9 miljun għall-perjodu 2014-2020, Hercule III jiffinanzja proġetti bil-għan li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi li tolqot l-interessi finanzjarji tal-UE u l-Istati Membri tagħha.

Din is-sena, il-MEUSAC assista lill-Korp tal-Pulizija u lid-Dipartiment tad-Dwana biex jakkwistaw kofinanzjament mill-programm Hercule III għall-proġetti tagħhom. Il-Korp tal-Pulizija kiseb fondi għal żewġ proġetti, mentri d-Dipartiment tad-Dwana ser ikun qed imexxi proġett ieħor. Dawn it-tliet proġetti jagħmluha possibbli li jiżdied l-investiment fir-riżorsi disponibbli għal dawn iż-żewġ entitajiet biex jikkumbattu l-frodi.

Il-Korp tal-Pulizija ser ikun qed imexxi proġett biex jixtri u jistalla numru ta’ cameras illi jaqraw il-pjanċi tar-reġistrazzjoni tal-karozzi. Il-cameras ser jitwaħħlu f’postijiet importanti tal-kosta ta’ Malta bħall-port tal-Marsa, il-Port Ħieles f’Birżebbuġa u t-terminal tal-vapur t’Għawdex fiċ-Ċirkewwa. Tliet cameras oħra ser jitwaħħlu ma’ vetturi apposta li jkunu jistgħu jintużaw f’postijiet differenti skont il-bżonn.

Din it-teknoloġija se tgħin lill-pulizija sabiex jidentifikaw vetturi li jkunu qed jintużaw għaċ-ċaqliq ta’ kuntrabandu jew minn persuni mfittxija mill-pulizija għal każijiet marbutin ma’ frodi u reati oħra. Dawn il-cameras itejbu r-riżorsi disponibbli għall-pulizija biex jikkoperaw mal-forzi tal-ordni fi Stati Membri u pajjiżi oħra, bħall-pajjiżi fit-tramuntana tal-Afrika.

Mill-istess programm ta’ fondi, il-Korp tal-Pulizija ser jinvesti wkoll fl-istallazzjoni ta’ software li jippermetti lil taqsimiet differenti tal-Korp biex ikollhom aċċess għal rapporti ta’ frodi u każijiet oħra. Dan l-aċċess jiffaċilita l-koperazzjoni bejnietom. Iż-żewġ proġetti ser jinvolvu wkoll taħriġ ta’ uffiċjali tal-Korp fuq l-użu ta’ din it-teknoloġija.

Id-Dipartiment tad-Dwana wkoll se jibbenefika minn fondi tal-UE taħt il-programm Hercule III biex jinvesti fix-xiri ta’ vann mgħammar b’tagħmir tal-X-ray. Dan it-tagħmir ser jippermetti lill-uffiċjali tad-dwana f’Malta jispezzjonaw iktar fid-dettall merkanzija li tidħol f’Malta mis-suq intern tal-UE. Dan l-investiment jinkludi wkoll taħriġ lill-uffiċjali tad-dwana sabiex ikunu jafu kif iħaddmu dan it-tagħmir u jużawh bl-aħjar mod.

L-investiment ta’ fondi tal-Hercule III f’tagħmir u taħriġ għal uffiċjali Maltin huwa ta’ benefiċċju kemm għal pajjiżna u kif ukoll għall-UE, ladarba Malta tinsab fil-periferija tal-Unjoni u sservi bħala fruntiera mal-Mediterran u l-Afrika ta’ Fuq. Fl-istess waqt, dawn it-tip ta’ proġetti jwasslu għall-promozzjoni ta’ użu dejjem iktar korrett tal-fondi tal-UE u jħallu impatt iktar pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-UE, b’mod speċjali fejn tidħol is-sigurtà.

Għal iktar informazzjoni dwar Hercule III jew programmi oħra ta’ fondi tal-UE tista’ tikkuntattja lill-MEUSAC fuq 2200 3300, jew tibgħat email fuq funding.meusac@gov.mt.

« Back