Viżjoni għal Żvilupp Sostenibbli

Artiklu miktub minn Mark Abdilla – Uffiċjali Esekuttiv, MEUSAC
Ippublikat fil-ġurnal L-Orizzont – 13.11.18

L-iżvilupp sostenibbli hu suġġett importanti li spiss nisimgħu dwaru. Dan is-suġġett jiġi diskuss b’mod partikolari meta nitkellmu dwar il-futur tal-ambjent ta’ madwarna, kif ukoll meta nirreferu għall-isfidi li ser iħabbtu wiċċhom magħhom il-ġenerazzjonijiet futuri. Għalhekk, l-iżvilupp sostenibbli hu żvilupp li jilħaq il-bżonnijiet tal-ġurnata mingħajr ma jxekkel il-ġenerazzjonijiet futuri milli jilħqu l-istess ħtiġijiet tagħhom.

Iżda l-iżvilupp sostenibbli mhuwiex biss suġġett ambjentali, imma jikkonċerna diversi oqsma tal-ħajja ta’ kuljum, li jinkludu l-qasam soċjali u l-bżonnijiet ekonomiċi. L-ambjent ta’ madwarna jħalli impatt qawwi fuq dawn l-oqsma, u għalhekk, ma nistgħux niddiskutu l-iżvilupp sostenibbli mingħajr ma nitkellmu fuq suġġetti bħat-tkabbir ekonomiku, is-saħħa mentali, l-edukazzjoni u t-trasport. Dawn it-tliet oqsma imorru id f’id u jinfluwenzaw ħafna lil xulxin, u għalhekk hemm il-bżonn li jiġu indirizzati flimkien u mhux b’mod separat.

Il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima għalhekk nieda Viżjoni sabiex tassisti fit-tfassil ta’ strateġija li tmur ’il bogħod sas-sena 2050 sabiex tiżviluppa sens ta’ sostenibbiltà fil-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent tal-Gżejjer Maltin. Il-Viżjoni ġiet imnedija mill-Ministru José Herrera waqt laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC, li jlaqqa’ flimkien rappreżentanti tal-Gvern, tal-imsieħba soċjali, tal-partiti politiċi, tas-soċjeta ċivili u ta’ istituzzjonijiet tal-UE bħall-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u l-Kumitat tar-Reġjuni. Qabel il-laqgħa tal-Core Group li saret fl-aħħar ta’ Ottubru, il-MEUSAC organizza numru ta’ laqgħat settorjali biex jiġbor l-ideat tal-membri fuq setturi bħall-Ambjent, l-Ekonomija u l-Finanzi, kif ukoll l-Impjieg, Politika Soċjali, u Saħħa.

Il-Viżjoni tħares lejn diversi fatturi biex tilħaq l-għanijiet tagħha. Fejn tidħol l-ekonomija, il-Viżjoni tfittex tnaqqis kbir fil-livell ta’ emissjonijiet sabiex toħloq sistemi ekonomiċi iktar sostenibbli. Dan billi jkun hemm iktar innovazzjoni f’setturi ekonomiċi differenti, bħall-manifattura u t-trasport, li joħolqu livelli sostanzjali ta’ emissjonijiet. Hemm ukoll il-ħtieġa li tissaħħaħ l-ekonomija diġitali, għaliex din tista’ tkun ta’ għajnuna biex issaħħaħ l-operat ta’ ħafna negozji, waqt li tkabbar l-investiment lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Il-qasam soċjali hu fattur kruċjali fil-Viżjoni, u ma jistax ikun hemm żvilupp sostenibbli kontinwu mingħajr ma tiġi assigurata l-inklużjoni soċjali. Dan għaliex l-iżvilupp sostenibbli irid jaċċerta ġustizzja soċjali, inqas diskriminazzjoni fuq livelli u aspetti differenti, kif ukoll sistema edukattiva iktar inklussiva. L-edukazzjoni hi importanti ħafna biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Viżjoni għaliex hi mezz sabiex nippreparaw il-ġenerazzjonijiet tal-lum biex jilqgħu l-isfidi futuri.

Madanakollu, l-ambjent jibqa’ pilastru integrali tal-Viżjoni. L-aspetti ekonomiċi u soċjali differenti kollha għandhom iwasslu għal ambjent iktar nadif, li jista’ jitgawda mill-ġenerazzjonijet futuri. Il-Viżjoni tħares lejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija mix-xemx, u iktar sostenibbiltà fl-iżvilupp urban tal-pajjiż u fis-settur turistiku.

L-iżvilupp sostenibbli mhux biss suġġett ta’ diskussjoni f’Malta, imma wkoll qed jiġi diskuss fuq livell Ewropew u fuq livell globali. Il-Viżjoni hi bbażata fuq l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Magħquda, li tistabbilixxi 17-il mira sabiex il-pajjiżi kollha jimxu lejn iktar sostennibbiltà fl-ekonomiji, fis-soċjetajiet u fl-ambjent tagħhom. Dawn il-miri jinkludu l-eradikazzjoni tal-faqar, l-edukazzjoni inklussiva, ilma nadif għal kulħadd, u iktar azzjoni kontra t-tibdil fil-klima. Il-Viżjoni ta’ Malta hi bbażata fuq dawn il-miri differenti, imma tmur lil hinn mill-2030, u toħloq il-pedamenti biex jitfasslu strateġija u pjan ta’ azzjoni sal-2050.

Dawn il-miri wkoll jinsabu fl-Istrateġija għall-Żvilupp Sostenibbli tal-Unjoni Ewropea (UE). Din tfittex biex toħloq qafas sabiex l-ekonomiji tal-UE u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll soċjetajiet Ewoprej, ikomplu jimxu lejn is-sostennibilita. Bħalissa qed ikun hemm ukoll diskussjonijiet fuq finanzjar sostenibbli, sabiex jinħolqu iktar proċessi ekonomiċi biex jassistu l-għanijiet tal-miri stabbiliti mill-Ġnus Magħqudha.

Il-Viżjoni għal Żvilupp Sostenibbli bħalissa tinsab miftuħa għall-konsultazzjoni mal-pubbliku. Jekk inti interessat li taqra l-Viżjoni u tipparteċipa fil-konsultazzjoni pubblika, tista’ tidħol fis-sit www.konsultazzjoni.gov.mt. Għal iktar informazzjoni tista wkoll tikkuntattja lill-MEUSAC fuq 2200 3300, jew billi tibgħat email fuq consult.meusac@gov.mt.

« Back