‘Nibnu politika soda dwar il-migrazzjoni fl-Ewropa’

Fi żjara f’Malta fuq stedina tal-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli, il-Ministru Franċiża għall-Affarijiet Ewropej Nathalie Loiseau ħadet sehem f’laqgħa dwar l-immigrazzjoni mis-sensiela ‘Għid tiegħek dwar l-Ewropa’, organizzata mill-MEUSAC. Fil-laqgħa pubblika, li saret fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar, il-Ministru Loiseau tkellmet dwar kif Franza u Malta jaqsmu l-istess viżjoni dwar l-importanza tat-tfassil ta’ politika komuni li tpoġġi fuq bażi soda l-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni.

Il-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb fakkar li din kienet laqgħa oħra f’sensiela ta’ konsultazzjonijiet maċ-ċittadini li qegħdin isiru f’Malta u fl-istati membri tal-UE fuq proposta tal-President Franċiż Emmanuel Macron biex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jisimgħu aktar x’jaħsbu ċ-ċittadini Ewropej dwar x’tip ta’ unjoni jridu. F’dawn il-laqgħat, il-protagonisti huma l-parteċipanti li jitkellmu dwar l-Ewropa tal-lum u dik li jridu jaraw fil-futur.

Il-Ministru Franċiża tkellmet dwar l-iżviluppi f’dan il-qasam fl-aħħar xhur, fejn Franza, Malta u stati oħra Ewropej urew li l-aħjar triq ‘il quddiem hija s-solidarjetà permezz tad-djalogu u sforzi konġunti bejn l-istati membri. Il-mod kif ġew indirizzati dawn l-isfidi għandu jintuża wkoll biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi permanenti li juru solidarjetà u responsabbiltà li jagħtu protezzjoni lil dawk li jeħtiġuha u li jindirizzaw l-isfidi marbuta mal-immigrazzjoni illegali. Fl-aħħar xhur u snin Malta uriet li lesta taffaċċja l-isfidi tal-immigrazzjoni u mhux taħrabhom, u dan iġib ammirazzjoni minn pajjiż bħal Franza, qalet il-Ministru Loiseau.

F’intervent ieħor, Loiseau qalet li l-istati membri għandhom jingħaqdu f’politika komuni dwar il-Libja, għaliex l-Ewropa ilha mifruda għal żmien twil wisq fuq x’għandu jsir mal-Libja. Hija sostniet li hawnhekk qed nitkellmu fuq ħajjiet umani u għalhekk ma nistgħux inkomplu nintilfu fit-teknikalitajiet. Din hi sfida Ewropea li teħtieġ soluzzjoni Ewropea, żiedet il-Ministru Franċiża. Hija faħħret il-proposta tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker li titwaqqaf Alleanza Ewropea mal-Afrika.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li dan huwa suġġett importanti ħafna fil-kuntest tal-futur tal-Unjoni Ewropea, u dan l-eżerċizzju qed jippermetti lill-poltiċi li jisimgħu b’rispett il-fehmiet taċ-ċittadini waqt li jindirizzaw it-tħassib tagħhom. Il-ministru żiedet tgħid li dawn il-konsultazzjonijiet qed isiru fi żmien diffiċli għall-Unjoni Ewropea, meta l-estremiżmu għandu jiġi indirizzat billi nxandru fatti u statistika dwar din ir-realtà. Fl-istess waqt nisimgħu u nagħtu soluzzjonijiet għal dak li qed jinkwieta liċ-ċittadini tagħna rigward l-immigrazzjoni u l-ażil fejn jidħlu impjiegi, sigurtà u integrazzjoni.  Helena Dalli qalet li Malta qiegħda fiċ-ċentru ta’ koalizzjoni ta’ stati membri li jridu jfasslu futur aħjar għall-Unjoni Ewropea.

Fost it-temi mqajjma minn dawk preżenti kien l-argument li Malta ħafna drabi tħalliet waħedha fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari. Tkellmu wkoll dwar il-bżonn ta’ strateġija u pjan ta’ azzjoni dwar l-integrazzjoni tal-immigranti irregolari biex jiġi mmassimizzat bl-aħjar mod il-kapital uman, il-ħiliet għoljin li ħafna jkollhom, u l-kwistjoni taċ-ċittadinanza għal dawk l-immigranti li ilhom snin twal jaħdmu f’Malta. Dawk preżenti nnotaw ukoll l-importanza ta’ sħubijiet strateġiċi mal-pajjiżi tal-oriġini u li jiġu indirizzati fatturi li jgħinuhom jibqgħu f’pajjiżhom.

Għal-laqgħa ta’ konsultazzjoni kien preżenti wkoll il-Ministru għall-Affarijiet Interni u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia li indirizza punti imsemmija billi spjega x’qiegħda tagħmel Malta fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari. Irrefera għar-relazzjoni eċċellenti bejn Malta u Franza u qal li l-Prim Ministru Muscat u l-President Franċiż Macron jikkomunikaw b’mod regolari  f’sitwazzjonijiet delikati biex isalvaw il-ħajjiet tan-nies fuq bażi umanitarja, anki jekk ma tkunx ir-responsabbiltà legali tagħhom. Qal li sfortunatament din hija l-ewwel darba li l-pajjiżi Ewropej mhumiex jitkellmu b’vuċi waħda, anki f’fora bħan-Nazzjonijiet Magħquda. Il-ministru qal li Malta dejjem iffaċċjat ir-responsabbiltajiet tagħha u issa qegħdin nagħmlu l-aħjar li nistgħu fejn tidħol l-integrazzjoni.

L-aħħar laqgħa mis-sensiela ta’ konsultazzjonijiet ta’ ‘Għid tiegħek dwar l-Ewropa’ se tkun mal-Prim Ministru Joseph Muscat u se sservi bħala konklużjoni ta’ dak li ġie diskuss fil-laqgħat li saru bejn Lulju u Novembru ta’ din is-sena. Il-MEUSAC qiegħda tiġbor f’rapport il-konklużjonijiet ta’ dawn il-laqgħat biex il-Prim Ministru nnifsu jippreżentah fil-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru flimkien ma’ rapporti mill-istati membri l-oħra għall-konsiderazzjoni u d-diskussjoni mill-kapijiet ta’ stat jew gvern.

Il-laqgħa mal-Prim Ministru se ssir nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Novembru fis-7pm, fil-Berġa ta’ Aragona, Pjazza Indipendenza, il-Belt Valletta.

« Back