Il-Prim Ministru jiddiskuti mal-MEUSAC it-temi ewlenin fuq l-aġenda tal-laqgħa ta’ Diċembru tal-Kunsill Ewropew

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ mal-Core Group tal-MEUSAC biex jiddiskuti t-temi dwar l-aġenda tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li jmiss.

Il-Kap tal-MEUSAC Vanni Xuereb ippreżenta lill-Prim Ministru kopja tar-Rapport dwar il-Konsultazzjonijiet maċ-Ċittadini li saru f’Malta matul ix-xhur li għaddew bħala parti minn eżerċizzji ta’ konsultazzjoni madwar is-27 stat membru tal-UE. Ir-rapport konġunt tal-konsultazzjonijiet li saru fis-27 stat membru se jiġi ppreżentat lill-kapijiet ta’ stat u gvern fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ewropew fit-13 u l-14 ta’ Diċembru li ġej.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li jmiss il-mexxejja tal-UE mistennija jiddiskutu l-budget tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027 fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit. Hi qalet li l-Kunsill Ewropew mistenni jeżamina wkoll il-progress li sar fil-proċess tat-tisħiħ tas-Suq Intern u l-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan komprensiv dwar il-migrazzjoni.

Il-Prim Ministru feraħ lill-MEUSAC għall-mod kif tmexxew il-konsultazzjonijiet maċ-ċittadini f’Malta li, fi kliemu, urew kemm hu importanti li n-nies jingħataw l-opportunità li jitkellmu dwar affarijiet li jolqtuhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, Dr Muscat qal li d-diskussjoni se tiddependi ħafna mill-vot tal-Parlament tar-Renju Unit dwar il-ħruġ ta’ dan il-pajjiż mill-Unjoni Ewropea. Irrefera għall-fatt li jkunu xi jkunu r-relazzjonijiet futuri bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea, il-Gvern ikun lest jagħti direzzjoni u għajnuna kemm liċ-ċittadini Maltin fir-Renju Unit u kemm liċ-ċittadini Brittaniċi u l-familji tagħhom f’Malta.

Il-Prim Ministru żied li  żewġ temi kruċjali oħra għall-Kunsill Ewropew huma l-governanza taż-żona ewro u l-budget tal-Unjoni Ewropea 2021-2027 mingħajr ir-Renju Unit. Dwar il-budget, il-Prim Ministru qal li Malta tisħaq fuq allokazzjoni ta’ fondi li jsostnu r-ritmu tal-progress ekonomiku tal-pajjiż filwaqt li ddeskriva l-governanza taż-żona ewro bħala ċentrali għall-Unjoni Ewropea, bit-tkomplija tal-Unjoni Bankarja bħala l-qofol għall-futur.

Waqt il-laqgħa, il-Prim Ministru wieġeb ukoll għal kummenti u mistoqsijiet li saru mill-membri preżenti dwar suġġetti bħall-kummerċ mar-Renju Unit wara l-ħruġ; l-importanza tal-governanza taż-żona ewro biex ma jkomplux jinħolqu diverġenzi li jbiegħdu lill-istati membri minn xulxin; u l-enfasi li fil-budget Ewropew li jmiss tinżamm il-wegħda li jiżdiedu sostanzjalment il-fondi għall-edukazzjoni u ż-żgħażagħ.

Il-Prim Ministru kkonkluda billi tkellem dwar l-importanza li Malta tibbenefika aktar minn fondi Ewropej għar-riċerka u dwar il-ħidma tal-gvern biex aktar kumpaniji kbar jinvestu f’Malta biex b’hekk inkomplu insostnu t-tkabbir ekonomiku li minnu qed igawdi kulħadd.

« Back