Fuq l-għatba tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

Artiklu miktub minn Mauro Abela – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 26.11.18

Bħal-lum sitt xhur, flimkien ma’ ’l fuq minn 500 miljun ċittadin Ewropew ieħor, inkunu vvutajna għall-membri l-ġodda tal-Parlament Ewropew. Għalina l-Maltin, din ser tkun ir-raba’ darba li ser inkunu qegħdin nipparteċipaw f’dan l-eżerċizzju demokratiku fl-unika istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) li l-membri tagħha jiġu eletti direttament mill-poplu. Ta’ min isemmi wkoll li l-2019 ser tkun qed timmarka l-15-il sena minn meta Malta ssieħbet fl-UE.

“Imma għaliex għandi nivvota fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew?”

Din hi mistoqsija li ser tkun qiegħda tingħad minn ħafna ċittadini fiż-żmien li ġej, speċjalment minn dawk li forsi għandhom ir-riservi tagħhom dwar sħubija fl-UE. Wieħed ma jistax jinjora x-xettiċiżmu li jeżisti fost ħafna ċittadini tal-UE. Dan jixpruna lil dawk li huma involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet biex jindirizzaw id-direzzjoni li ċ-ċittadini jixtiequ li tieħu l-UE. Min-naħa l-oħra, jekk wieħed iħares lejn ir-riżultati ta’ stħarriġ tal-Ewrobarometru fl-aħħar snin jinnota li l-appoġġ għall-UE qiegħed jiżdied. Skont l-aħħar Ewrobarometru (89, Rebbiegħa 2018), 62% taċ-ċittadini Ewropej jikkunsidraw li s-sħubija fl-UE hija ħaġa tajba. Dan ifisser li iktar minn nofs il-popolazzjoni Ewropea qiegħda tagħraf il-benefiċċji li qed tagħmel l-UE. 69% tal-Maltin jemmnu li s-sħubija ta’ Malta fl-UE, hija ħaġa pożittiva. Dan juri biċ-ċar li l-biċċa l-kbira tal-poplu Malti qiegħed jagħraf xi ssarraf is-sħubija ta’ Malta fl-UE. Tant hu hekk, li 82% tal-Maltin iħossuhom ċittadini Ewropej.

L-Ewrobarometru juri li 59% tal-popolazzjoni Maltija, jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom bħala ċittadini Ewropej. Barra minn hekk, 79% tal-Maltin jixtiequ jkunu jafu iktar dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE.

“Imma kif ser inkun naf iktar dwar il-benefiċċji li toffri l-UE?“

Hemm diversi għodda li wieħed jista’ juża sabiex isir jaf iktar dwar x’qed tagħmel l-UE għaċ-ċittadini tagħha. Biżżejjed wieħed iħares madwaru u jara diversi proġetti li saru bis-saħħa tal-fondi Ewropej bħat-titjib fl-infrastruttura tat-toroq, diversi proġetti fil-qasam edukattiv, taħriġ għall-ħaddiema, standards ogħla f’diversi setturi, kif ukoll proġetti li jsaħħu l-prodott turistiku lokali. Dawn saru bil-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu fil-Gżejjer Maltin.

Sabiex wieħed jikseb iktar informazzjoni dwar x’qed tagħmel l-UE fuq livell personali, wieħed jista’ juża s-sit elettroniku – www.what-europe-does-for-me.eu/mt/portal. Hawnhekk wieħed jista’ jfittex dwar kif il-ħidma tal-UE qed tagħmel differenza pożittiva fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.

Wieħed jikseb iktar informazzjoni wkoll billi jikkuntattja l-MEUSAC, li jservi bala Europe Direct Information Centre (EDIC) ġewwa pajjiżna. L-għan ta’ dan iċ-ċentru, li bħalu nsibu fl-Ewropa kollha, hu li jippromwovi ċ-ċittadinanza Ewropea u s-sehem attiv taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku Ewropew. Iċ-ċentri tal-EDIC jipprovdu informazzjoni ġenerali dwar l-UE u jirreferu liċ-ċittadini għal sorsi ta’ informazzjoni speċjalizzati. Dan l-aħħar, iċ-ċentru EDIC Valletta għadu kif ippreżenta sett ta’ kotba b’informazzjoni relatata mal-UE lil-libreriji pubbliċi kollha ta’ Malta u Għawdex bil-għan li jservu ta’ punt ta’ referenza għal kull min hu interessat li jsir jaf iktar dwar l-UE.

“Għalfejn dan kollu?”

Meta fil-25 ta’ Mejju 2019 f’Malta se ssir l-elezzjoni biex jiġu eletti l-membri l-ġodda tal-Parlament Ewropew, il-votanti iktar ikunu jistgħu jagħmlu deċiżjoni infurmata dwar x’tip ta’ UE jridu billi jagħżlu lil dawk li jaħsbu li huma l-iktar kapaċi li jirrapreżentawhom f’waħda mill-ogħla istituzzjonijiet tal-UE.

Li wieħed jivvota f’dawn l-elezzjonijiet huwa ta’ importanza, għaliex huwa biss bil-parteċipazzjoni ta’ kull ċittadin, li wieħed jista’ jibdel dak li jkun qieħed jiġri fuq livell Ewropew. Dan għaliex kull membru elett fil-Parlament Ewropew huwa msieħeb ma’ partit politiku li finalment japprova flimkien mal-Kunsill tal-UE, liġijiet li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.

« Back