Niddiskutu l-Migrazzjoni fl-Ewropa – Konsultazzjoni maċ-Ċittadini

Artiklu miktub minn Lisa Azzopardi – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 29.10.18

Il-fenomenu tal-migrazzjoni ilu jeżisti minn kemm ilu jeżisti l-bniedem. Iżda minn żmien għal żmien, għal diversi raġunijiet, iseħħu mewġiet ta’ migrazzjoni ta’ ħafna nies f’daqqa li jġibu sfidi kbar għall-pajjiżi fejn jaslu. Hekk ġara bejn l-2015 u l-2017 meta bdew jaslu fl-Ewropa immigranti irregolari mil-Lvant Nofsani u mill-Afrika ta’ Fuq. Dawn kienu l-akbar ammonti ta’ wasliet minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn.

Il-flussi ta’ immigranti irregolari f’numri kbar ġabu piżijiet mhux mistennija fuq il-pajjiżi fejn jaslu kif ukoll xi diżgwid dwar il-kontroll tal-flussi u tal-qsim tar-responsabbiltajiet mill-Istati Membri. L-isfidi li ġab dan il-fenomenu iffaċjawhom il-mexxejja tal-pajjiżi milquta, iżda mhux inqas iċ-ċittadini tal-Istati Membri l-iktar milquta, fosthom Malta. Ma setax jonqos li s-suġġett tal-immigrazzjoni irregolari jkun għal dawn l-aħħar snin wieħed mis-suġġetti l-iktar diskussi minn kulħadd.

Għaldaqstant, il-migrazzjoni se ikun is-suġġett ta’ waħda mill-konsultazzjonijiet maċ-ċittadini dwar il-futur tal-Ewropa organizzati mill-MEUSAC f’Malta bit-tema ‘Għid tiegħek dwar l-Ewropa’. Il-laqgħa dwar il-migrazzjoni se ssir  nhar il-Ġimgħa, 2 ta’ Novembru fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar. Din hi waħda mill-iktar lokalitajiet f’Malta fejn jgħixu persuni ġejjin minn barra l-pajjiż. Għal-laqgħa, li tibda fis-6 p.m. u li għaliha ser jattendu fost l-oħrajn il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Helena Dalli, kif ukoll il-Ministru Franċiża għall-Affarijiet Ewropej, Nathalie Loiseau, jista’ jattendi kulħadd speċjalment dawk li b’xi mod imissu mar-realtà tal-migrazzjoni f’pajjiżna.

Ħafna drabi jingħad li l-Unjoni Ewropea (UE) ma għamlet xejn biex twaqqaf il-mewġiet tal-immigranti irregolari. Iżda jekk inħarsu lejn l-istatistika naraw li mir-Rotta tal-Lvant tal-Mediterran, wara l-iffirmar ta’ ftehim bejn l-UE u t-Turkija fl-2016, il-wasliet niżlu b’97% – minn 10,000 kull jum f’Ottubru 2015, għal medja ta’ 81. Jekk inħarsu lejn ir-rotta Ċentrali tal-Mediterran, wara l-isforzi konġunti mal-Italja, mal-Libja, in-Niġer u pajjiżi oħra, il-wasliet naqsu b’77% fl-2018, meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

Iżda hekk kif il-pressjoni tal-wasliet fil-Greċja ttaffiet, żdiedu l-wasliet u l-imwiet fil-baħar mir-rotta Ċentrali tal-Mediterran. Għaldaqstant, fis-Summit tal-mexxejja tal-pajjiżi tal-UE li sar f’Malta fit-3 ta’ Frar 2017 waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE ġiet iffirmata d-Dikjarazzjoni ta’ Malta, b’miżuri biex jindirizzaw ir-rotta tan-Nofsinhar tal-Mediterran. F’dawn l-aħħar snin, l-UE u l-pajjiżi fil-fruntieri tagħha ftiehmu dwar firxa ta’ miżuri biex jindirizzaw din il-kriżi billi fost l-oħrajn saħħew il-viġilanza fl-ibħra tal-Mediterran u ngħatat aktar għajnuna lill-gwardja tal-kosta Libjana.

Waqt li hemm qbil ġenerali dwar il-bżonn ta’ aktar solidarjetà fil-kwistjoni, il-mod ta’ kif il-pajjizi għandhom jikkontribwixxu għadu qed jiġi diskuss u hemm diversi ideat fuq il-mejda. Sa issa, ir-risposta minn xi Stati Membri ma kinitx dejjem waħda solidali hekk kif xi pajjiżi ħadu linja iebsa fir-rigward tal-għoti tal-ażil u fir-reviżjoni tar-regoli ta’ Dublin (l-iktar il-kriterju li l-piż jaqa’ fuq l-ewwel pajjiż ta’ dħul). Iżda fl-aħħar laqgħat tal-mexxejja tal-Istati Membri fil-Kunsill Ewropew ħareġ iktar ċar li l-isfidi tal-immigrazzjoni irregolari huma tal-Istati Membri kollha u għaldaqstant, kif qal il-Prim Ministru Joseph Muscat dan l-aħħar, “l-idea li l-immigrazzjoni hija problema ta’ pajjiż jew ieħor m’għadhiex treġi”.

Jekk tixtieq tattendi u tgħid tiegħek dwar il-Migrazzjoni u l-UE fit-2 ta’ Novembru, tista’ tirreġistra l-attendenza tiegħek billi tibgħat email fuq info.meusac@gov.mt jew iċċempel 2200 3300.

« Back